Left arrow Mur Lura

GĦADDEJ IX-XOGĦOL FUQ IR-RIABILITAZZJONI TAS-SALINI

pr1725
Date Icon 02/08/2012

Illum il-Ministru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali George Pullicino żar ix-xogħlijiet li jinsabu għaddejjin, fuq il-proġett tar-riabilitazzjoni tas-Salini.

Is-sit tas-Salini jinsab bejn San Pawl u Burmarrad. Jingħad li s-Salini inbnew fis-seklu sittax minħabba fl-importanza li l-melħ kellu għall-ipriservar tal-ikel. Fil-bidu tas-seklu tmintax il-Kavallieri tal-Ordni ta’ San Ġwann ħassew il-ħtieġa jiddefendu s-salini u b’hekk inbniet l-istruttura difensiva tax-Ximenes Redoubt. Aktar tard fiż-żmien inbena maħżen għal melħ ġewwa ir-Redoubt mill-Gran Mastru Ximenes de Texada u fil-1743 ġie skavat fougasse ġewwa ir-Redoubt innifsu u ieħor ftit distanza ’l bogħod. Ix-Ximenes Redoubt huwa uniku għax ġewwa fih għandu ukoll fougasse li hija struttura speċjalizzata ta’ natura difensiva u militari.

Il-kanal tas-Sukkursu li jestendi mill-bajja tas-Salini sa’ Kennedy Grove u jdur mas-salini kien mibni fis-seklu sbatax. Fis-seklu dsatax inbnew ukoll numru ta’ strutturi (huts) qrib tas-salini sabiex il-melħ jiġi maħżun u maħdum. Dawn l-istrutturi nbnew mir-reġiment Ingliż (Sappers) u huma simili għal dawk li ssib fis-salina ta’ Guerande ġewwa Franza u li jissejħu ‘salorges’. Dawn l-istrutturi kienu mibnija fuq qafas tal-injam li kien magħqud permess ta’ elementi tal-ħadid. Dawn l-istrutturi kienu miksija bl-injam li maż-żmien tmermer u ġie mibdul b’corrugated sheeting tal-ħadid.

Is-sit tas-Salini huwa wkoll importanti għall-ornitoloġija minħabba l-għasafar migratorji. Huta maghrufa bħala l-Bużaqq  tghix f’dan l-ambjent salmastru tas-Salini. Ix-xagħri ta madwar, matul is-snin ġie mormi fuqu ħafna skart tal-kostruzzjoni u permess ta’ dan il-proġett dan ix-xagħri ser jiġi mnaddaf u riabilitat.

Is-Salini fl-aħħar snin kienu jinstabu f’qagħda ħażina ħafna tant li huma mgħarrqa minħabba l-ħsara li saritilhom fil-maltempata tal-2003. Minn dak iż-żmien ’l hawn is-salini ma ntużawx u tħallew fi stat ta’ abbandun. Ix-Ximenes Redoubt kient tinstab ukoll f’qagħda ħażina u fi bżonn ta’ restawr waqt li l-fougasse li hemm ġewwa r-Redoubt jinstab mirdum.

Għalhekk il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali niehda dan il-proġett ta’ riabilitazzjoni ta’ dan il-post. L-iskop tal-proġett tas-Salini hu li jsir konservazzjoni u titjib tal-aspett rurali tas- sit  b’mod ħolistiku sabiex il-potenzjal naturali u kulturali ta’ dan is-sit ikun jista’ jiġi apprezzat.

Il-proġett ser jinvolvi r-restawr tas-salini sabiex dawn jerġgħu jibdew jagħmlu l-melħ, ir-restawr tax-Ximenes Redoubt u l-fougasse, l-bini mill-ġdid ta’ tliet strutturi (huts), ir-riabilitazzjoni tal-bur mielaħ fuq in-naħa l-oħra tas-Salini u t-tindif tax-xagħri. Dan il-proġett hu parzjalment iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea taħt il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali 2007-2013 – L-Ewropa tinvesti f’Żoni Rurali. Ix-xogħlijiet mistennija li jitlestew lejn tmiem is-sena 2013 u l-proġett ser jiswa madwar €7 miljun.

Il-Ministru Pullicino spjega li ġaladarba x-xogħlijiet jitlestew is-Salini titqies bħala destinazzjoni turistika li tinforma lit-turist fuq l-potenzjal li joffri dan is-sit mill-aspett naturali, kulturali u arkaeoloġiku.

Ix-Ximenes Redoubt ser jintuża bħala centru gġall-viżitaturi li jagħti informazzjoni fuq is-sit kollu – storja, arkaeoloġija, ekoloġija: flora u fawna, ornitoloġija u l-użu tradizzjonali tas-salini.

Ser issir mina taħt l-art sabiex il-viżitaturi ikuni jistgħu jmorru jaraw is-salini mingħajr periklu billi tingħaqad iċ-Ċentru tal-Viżitaturi fix-Ximenes Redoubt mall-bqija tal-proġett. Is-salini ser jerġgħu jitħaddmu sabiex issir il-produzzjoni tal-melħ u b’hekk tnejn mill-istrutturi li ser ikunu mibnija ser jintużaw biex jaħżnu il-melħ u biex jaħdmuh, jiġifieri kif kienu jintużaw fl-imgħoddi. It-tielet struttura li ser tinbena ser tintuża bħala mużew dedikat għall- ħsad tal-melħ. Ser ikun hemm ukoll kafetterija sabiex il-viżitatur ikun jista’ japprezza ftit mumenti ta’ rilassament f’dan is-sit uniku. 

Il-viżitatur ikun jista’ wkoll jimxi mal-ġenb tas-salini sabiex japprezza dan l-ambjent naturali. Hawnhekk wara li jiġu restawrati il-bur mielaħ u x-xagħri, l-viżitatur ikun jista’ japprezza ambjent naturali uniku bi pjanti u siġar li jitilgħu f’dan it-tip ta’ambjent. Ser isiru ukoll postijiet fejn wieħed ikun jista’ josserva l-għasafar (observation hides) li jżuru dawn l-inħawi.

Barra minn dawn ix-xogħlijiet ser isiru wkoll ħidmiet infrastrutturali sabiex jitnaqqsu l-ilmijiet li jinżlu fis-sit tas-Salini matul maltempati. B’hekk ladarba jiġi restawrat is-sit tas-Salini ma jibqax espost għal-ħsarat li jisgħu jsiru minħabba f’għargħar waqt maltempati.

Il-Ministru Pullicino filwaqt li rringrazzja l-ħaddiema li qed jaħdmu fuq dan il-proġett qal li dawn il-proġetti joħolqu x-xogħol mhux biss għat-tlestija tagħhom iżda wkoll jiġġeneraw numru t’opportunitajiet ta’ xogħol oħra anki fis-settur turistiku. Huwa fakkar ukoll li l-Gvern f’din iż-żona fl-aħħar snin wettaq numru ta’ proġetti fosthom il-Park Nazzjonali tas-Salini, sar tisbiħ f’Kennedy Grove, Bird Park flimkien mal-privat, Water Park, Xatt f’San Pawl il-Bahar filwaqt li għaddej ix-xoghol fuq l-aquarium fil-Qawra u r-riabilitazzjoni tal-Magħtab.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Tittella’ konferenza nazzjonali li tqajjem aktar għarfien u azzjoni kontra l-vjolenza domestika

PR262018

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

Aktar Stqarrijiet Right arrow