STQARRIJA MILL-MINISTERU TAL-EDUKAZZJONI U X-XOGĦOL
Ir-riżultati pubblikati mill-Bord tal-MATSEC juru ċar u tond li fis-sessjoni ta’ eżamijiet li saru f’Mejju li għadda 80% tal-istudenti kollha flimkien li għamlu Paper A jew Paper B fis-suġġetti bażiċi kisbu gradi minn 1 sa 7. Dawn huma riżultati uffiċjali, miktuba iswed fuq l-abjad, li min hu onest ma jistax imeri.
Il-kelliem Laburista għall-Edukazzjoni f’konferenza tal-aħbarijiet li ta llum kif ukoll f’artiklu pubblikat fil-ħarġa ta’ “l-Orizzont” tal-lum suppost li għamel analiżi “onesta” tar-riżultati tas-SEC. Hi diożonesta wkoll il-figura li ħareġ biha Evarist Bartolo li 43% biss tal-istudenti li jispiċċaw is-sekondarja irreġistraw għall-eżamijiet tas-SEC meta l-istatistika uffiċjali tal-Bord tal-MATSEC turi biċ-ċar li dawn kienu 82.6%.
Kif għamel diġà fil-ġimgħat li għaddew, Evarist Bartolo fl-analiżi tiegħu iħares biss lejn ir-riżultati miksuba fi grad minn 1 sa 5 u konvenjentement, biex iġib il-boċċa qrib il-likk, jinsa lill-istudenti l-oħra. Dan ifisser li jekk student jagħmel 10 eżamijiet u wieħed minnhom ġiebu grad anqas minn 1 sa 5, għal Evarist Bartolo hu kkunsidrat bħala student li ma rnexxiex.
Għal Evarist Bartolo jgħoddu biss dawk l-istudenti li wara r-riżultati tas-SEC jistgħu jmorru Form VI. L-oħrajn iqishom bħala studenti li fallew. Din hi diżonesta u opportuniżmu li jagħmel mill-edukazzjoni u l-isudenti ballun politiku.
B’din l-analiżi ta’ Evarist Bartolo, l-aktar minn 5,600 student li jmorru l-MCAST, madwar 622 student li jmorru fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi u aktar minn 2060 student ieħor li jmorru fil-Higher Secondary Schools tan-Naxxar u Għawdex huma studenti falluti jew qishom ma jeżistux. Dan juri biċ-ċar li l-Partit Laburista għadu jħaddan politika selettiva fl-edukazzjoni filwaqt li l-Gvern Nazzjonalista dejjem ħadem biex wettaq politika inklussiva fl-edukazzjoni.
Skont il-Kelliem Laburista għall-Edukazzjoni “ħafna miż-żgħażagħ tagħna qegħdin jintremew”. Dan hu preċiżament li qed jagħmel hu meta jarmi lil dawk iż-żgħażagħ li f’xi suġġetti tas-SEC iġibu marka minn 5 sa 7. Il-Ministeru tal-Edukazzjoni qatt ma qal li ġġib kemm iġġib riżultati, l-opportunitajiet huma l-istess għal kulħadd. Il-Ministeru dejjem saħaq li anke jekk wieħed ma jiksibx riżultati biex imur Form VI, kull student għandu jkollu, u fil-fatt qed jingħata, l-opportunita’ sabiex ikompli jikseb il-ħiliet.
Għall-Gvern anqas iż-żgħażagħ li ma jiksbux riżultati tajbin fl-eżamijiet tas-SEC ma huma għar-rimi. Għalhekk inħolqu diversi korsijiet kemm fl-MCAST, fis-Sixth Forms, fl-ITS, u l-Youth.inc, maħsuba apposta għal dawn l-istudenti li jixtiequ jkomplu jistudjaw, biex jgħinuhom ikomplu fl-istudji tagħhom filwaqt li jiksbu l-ħiliet li ma jkunux laħqu kisbu sakemm għamlu r-riżultati tas-SEC.
Permezz ta’ dawn l-opportunitajiet, in-numru ta’ studenti li jkomplu jistudjaw, f’dawn l-aħħar 10 snin iktar minn irdoppja u l-aħħar statistika qed turi li fl-2011 kien hemm 82% taż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin li għandhom 17-il sena li komplew bl-istudju tagħhom wara l-iskola sekondarja.
Stqarrijiet Oħra:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017