Left arrow Go Back

AKTAR XOGĦOL GĦALL-GĦAWDXIN F’GĦAWDEX

pr1720
Date Icon 02/08/2012

Id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali jittrasferixxi t-Taqsima tal-Allowance tat-Tfal lejn Għawdex

It-Taqsima tal-Allowance tat-Tfal tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali kienet trasferita lejn ir-Rabat Għawdex. F’din it-taqsima, fejn isir xogħol ta’ back-office, diġà jaħdmu seba’ ħaddiema li mistennija jiżdiedu għal 12 sa tmiem Awwissu. L-ewwel grupp ta’ ħaddiema diġà ngħata kors ta’ taħriġ f’Malta filwaqt li t-taħriġ intensifika mat-trasferiment tat-Taqsima f’Għawdex.

Waqt żjara fl-uffiċċji tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali f’Għawdex, il-Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja Chris Said qal li t-trasferiment tat-Taqsima tal-Allowance tat-Tfal lejn Għawdex tinftiehem fil-kuntest tal-politika tal-Gvern li meta hu possibbli xogħol ta’ back-office minn dipartimenti tal-Gvern isir f’Għawdex. B’hekk ikun qed jintlaħaq l-iskop li l-Għawdxin ikollhom xogħol f’Għawdex stess.

Il-Ministru Said ta wkoll dettalji dwar il-ħidma tat-Taqsima tal-Allowance tat-Tfal li tamministra u toħroġ madwar €41 miljun fis-sena f’pagamenti.  Dawn jitqassmu fuq diversji benefiċċji li jinkludu ċ-Children’s Allowance, id-Disabled Child Allowance, il-Foster Care Allowance, il-Maternity Benefit u minn din is-sena anki l-Maternity Leave Benefit.

Fl-2011 iċ-Children’s Allowance ammontat għal €37.6 miljun. Din is-sena r-rata bażika taċ-Children’s Allowance żdiedet b’€100 għal €350 għal kull wild. Iċ-Children’s Allowance tingħata lit-tfal kollha li jammontaw għal madwar 62,000. Dawk it-tfal li jikkwalifikaw jingħataw Children’s Allowance b’rata ogħla li tista’ titla’ sa €1,155.96 fis-sena skont il-każ. Dan kollu jfisser li fl-2012 in-nefqa fuq iċ-Children’s Allowance mistennija tiżdied għal €42 miljun li jitqassmu bejn 43,500 familja.

Fil-każ tad-Disabled Child Allowance, fl-2011 tħallsu €727,931 f’pagamenti lil 801 familja. Il-Foster Care Allowance ammontat għal €72,852. Il-Benefiċċju tal-Maternità, li jitħallas lil ommijiet li ma jaħdmux fuq perjodu ta’ 14-il ġimgħa, fl-2011 laħħaq it-€2.3 miljun. Dawn tħallsu lil 2,276 omm li rċevew €1,010 kull wieħed. Din is-sena dan mistenni jibqa’ fl-istess ilma.

Sadanittant minn din is-sena żdied ukoll il-Benefiċċju tal-Leave tal-Maternità li jingħata lil dawk l-ommijiet li jaħdmu, jieħdu l-leave tal-maternità u jagħżlu li jgawdu mill-ġimgħatejn żejda fil-leave tal-maternita’ li daħlu b’seħħ mill-1 ta’ Jannar li għadda.  Dawn il-ġimgħatejn jitħallsu mill-Gvern bir-rata ta’ €160 fil-ġimgħa.  Il-leave tal-maternità se jiżdied b’ġimgħatejn oħra biex jitla’ għal 18-il ġimgħa mill-1 ta’ Jannar 2013. Preżenti waqt iż-żjara kien hemm is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja Frans Borg u d-Direttur Ġenerali tas-Sigurtà Soċjali Joseph Camilleri.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Tittella’ konferenza nazzjonali li tqajjem aktar għarfien u azzjoni kontra l-vjolenza domestika

PR262018

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

More Press Releases Right arrow