Left arrow Mur Lura

STQARRIJA TAL-MINISTERU TAL-FINANZI, L-EKONOMIJA U INVESTIMENT

pr1716
Date Icon 01/08/2012

Fi stqarrija ppubblikata llum, l-Onor Karmenu Vella rrepeta l-argumenti miġjuba l-ġimgħa li għaddiet, u jibqa’ jinsisti li jagħti interpretazzjoni żbaljata tal-qagħda finanzjarja tal-pajjiż. Agħar minn hekk, jimmiżinterpreta wkoll it-tweġiba mogħtija minn dan il-Ministeru, dwar il-figuri ppubblikati s’issa b’rabta mal-qagħda finanzjarja ta’ pajjiżna.

F’din l-istqarrija, kien iċċarat li fl-ewwel nofs ta' din is-sena, il-valur ta' stocks maħruġa kien ta' 455 miljun ewro, jew ta' 65% tal-ammont totali, li għal din is-sena ma jistax jeċċedi s-700 miljun ewro. Dan barra stocks antiki li mhux se jiġu mġedda din is-sena.

Anke dwar l-EFSF, Karmenu Vella jinjora l-ispjegazzjoni mogħtija, li turi li ma jafx kif jaħdem l-EFSF.  Filwaqt li l-Kunsill tal-Ministri tal-Unjoni Ewropea jkun approva l-ammont massimu ta' għajnuna finanzjarja għall-bailout ta' pajjiż partikolari, il-ħlasijiet mill-Fond isiru f'partijiet (imsejħa tranches) differenti. Qabel tiġi approvata kull tranche speċifika, il-Kummissjoni Ewropea twettaq eżerċizzju dettaljat biex tara li l-pajjiżi li ħadu l-bailout ikunu qegħdin filfatt jimplimentaw il-kundizzjonijiet marbuta mal-għoti ta' dik l-istess għajnuna. Għaldaqstant, hekk kif jiġi approvat tranche partikolari, pajjiżna - flimkien mal-pajjiżi l-oħra taz-zona ewro, jipprovdi l-garanzija għal dik l-assistenza partikolari, u dan jaffettwa l-livell ta' dejn ta' pajjiżna f’perjodu speċifiku.

L-Oppożizzjoni tibqa’ tipprova titfa’ dubju fuq pajjiżna. Kontra ta’ dan, il-Fond Monetarju Internazzjonali esprima l-kunfidenza tiegħu għaliex ħa azzjoni effettiva f’dan is-settur, liema azzjoni ġiet deskritta bħala impressjonanti u fost l-akbar fil-pajjiżi avvanzati. Karmenu Vella suppost li jaf biżżejjed ir-regolamenti l-ġodda tal-Unjoni Ewropea dwar il-finanzi pubbliċi u jaf li kieku vera l-Gvern sejjer żmerċ kif qed jimplika hu, li l-Ewropa għandha l-għodda neċessarji biex tieħu l-passi kif qed tagħmel ma’ pajjiżi oħra.

Iżda lil hinn miċ-ċertifikati istituzzjonali, l-aqwa prova tas-suċċess tad-direzzjoni ekonomika ta’ pajjiżna ġejja mill-investituri barranin u mis-sidien ta’ negozju lokali li bejniethom ħolqu xejn anqas minn 20,000 post tax-xogħol fl-aħħar erba’ snin. Dan huwa l-aqwa garanzija għal kwalità tal-ħajja aħjar, kif ġie rikonoxxut anke mill-International Labour Organisation li qalet li Malta u l-Ġermanja biss naqsu l-qgħad mill-perjodu ta’ qabel il-kriżi.

Filwaqt li l-Oppożizzjoni tibqa’ mehdija titfa’ d-dubji, il-Gvern jibqa’ għaddej bil-ħidma tiegħu li twassal għal aktar xogħol f’pajjiżna. Illum stess, tidħol fis-seħħ skema oħra favur is-sidien ta’ negozji – il-MicroGuarantee scheme, fejn il-Gvern se jkun qed jipprovdi 90% tal-garanziji meħtieġa mis-sid ta’ negozju meta dan jiġi biex jinvesti. Dan se jfisser aktar investiment li jirrendi f’aktar jobs għal familji Maltin u Għawdxin. 

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Tittella’ konferenza nazzjonali li tqajjem aktar għarfien u azzjoni kontra l-vjolenza domestika

PR262018

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

Aktar Stqarrijiet Right arrow