IL-GVERN IMPENJAT JOFFRI AKTAR OPPORTUNITAJIET TA’ XOGĦOL LILL-PERSUNI B’DIŻABILITÀ
Pubblikata edizzjoni speċjali ta’ Indaqs fil-25 anniversarju mit-twaqqif tal-KNPD
Il-Gvern jinsab impenjat li jkompli joħloq u joffri aktar opportunitajiet ta’ xogħol lill-persuni b’diżabilità. Post tax-xogħol aktar inklussiv ikompli jgħin lis-soċjetà tinfetaħ u tkompli tagħti aktar possibilità ta’ integrazzjoni u ta’ għixien indipendenti lill-persuni b’diżabilità. Għixien indipendenti ma jfissirx biss libertà fiċ-ċaqliq minn post għall-ieħor iżda wkoll aċċess u dritt għax-xogħol. Illum f’pajjiżna għandna aktar minn 900 persuna b’diżabilità li jaħdmu full-time u 200 oħra li jaħdmu part-time.
Dan sostnieh il-Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja Chris Said waqt it-tnedija tal-ħarġa speċjali tal-pubblikazzjoni Indaqs maħruġa mill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità f’egħluq il-25 sena mit-twaqqif tal-KNPD. Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata wkoll miċ-Chairman tal-KNPD Joe Camilleri.
Il-Ministru Chris Said qal li l-25 sena li għaddew fissru ħidma kostanti u ma taqta’ xejn favur l-inklużjoni, id-dritt tax-xogħol u t-tgawdija ta’ ħajja aktar indipendenti għall-persuni b’diżabilità f’pajjiżna. Hu sellem lil dawk kollha li tul dawn is-snin mexxew u ħadmu fi ħdan il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità. “Riżultati inkisbu, iżda żgur li fadlilna x’nagħmlu. M’għandix l-iċken dubju li jekk nibqgħu naħdmu fid-direzzjoni li qbadna, fis-snin li ġejjin se nkunu qed inħarsu lura u nitkellmu dwar aktar kisbiet importanti għall-persuni b’diżabilità”.
Hu tkellem dwar ir-rwol tal-KNPD fit-tfassil tal-Liġi Opportunitajiet Indaqs li għaddiet mill-Parlament fis-sena 2000. Il-KNPD tat sehmha b’mod sħiħ fit-tfassil tal-emendi għal diversi liġijiet li daħlu fis-seħħ aktar kmieni din is-sena u li permezz tagħhom komplew jissaħħu d-drittijiet tal-persuni b’diżabilità. Fakkar li bħalissa fil-Parlament qed tiġi diskussa wkoll il-Liġi dwar il-Guardianship. Il-Ministru Chris Said qal li dawn il-kisbiet kollha ma kinux ikunu possibbli li kieku l-KNPD ma ħadmitx b’daqstant impenn tul is-snin sabiex iġġib bidla fil-mentalità u fil-kultura.
Min-naħa tiegħu iċ-Chairman tal-KNPD Joe Camilleri qal li t-twaqqif tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità kien frott il-ħidma ta’ nies ġejjin min oqsma differenti u ta’ deċiżjoni politika bbażata fuq rieda popolari. Hu tkellem dwar it-temi ewlenin li jolqtu il-qasam tad-diżabilità, li huma l-Edukazzjoni, x-Xogħol u Servizzi ta’ Matul il-Jum, il-Ħajja Soċjali, it-Trasport u Aċċessibilità u Informazzjoni, il-Liġijiet u Drittijiet u kkummenta fuq l-iżviluppi li seħħew fil-qasam tad-diżabilità f’pajjiżna matul is-snin. Fost il-ġrajjiet li tkellem fuqhom, ta’ min isemmi l-ħidma ta’ Mons. Mikiel Azzopardi, li ħalliena 25 sena ilu, l-introduzzjoni ta’ servizzi edukattivi u benefiċċji soċjali mmirati għall-persuni b’diżabilità fosthom; l-introduzzjoni tal-Politika Nazzjonali Edukazzjoni Inklussiva, id-dħul ta’ pensjoni mhux kontributorja u l-ftuħ ta’ diversi ċentri, il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili u l-Liġi Opportunitajiet Indaqs (Persuni b’Diżabilità ċivili u l-Liġi Opportunitajiet Indaqs (Persuni b’Diżabilità) tal-2000.
Huwa semma u rringrazzja lill-Ministri u diretturi li kienu responsabbli tal-KNPD f’dawn l-aħħar 25 sena, li anke ġew mistiedna jgħaddu messaġġ fil-magażin li l-KNPD tippubblika darbtejn fis-sena sa mill-1992. “Nirringrazzja lil kull min ħadem mill-qrib jew mill-bogħod mal- Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità (KNPD): membri tal-passat u preżenti, lill-persuni b’diżabilità, ġenituri, alleati u għaqdiet volontarji li jaħdmu fis-settur. Grazzi wkoll lill-poplu Malti u Għawdxi tal-appoġġ li dejjem ta lill-ħidma tal-KNPD,” temm jgħid is-Sur Camilleri.
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017