ĠNIEN PEMBROKE - BIEX INT TGĦIX KWALITÀ TA’ ĦAJJA AĦJAR MA’ ULIEDEK
Ġnien Pembroke qed joffri spazju ieħor ġdid għat-tgawdija tat-tfal u l-familji Maltin u se jsaħħaħ il-prodott turistiku ta’ pajjiżna.
Dan il-ġnien kien inawgurat ilbieraħ filgħaxija mill-Prim Ministru Lawrence Gonzi. Il-Prim Ministru qal il-Gvern qed iżid l-ispazji miftuħa għall-familji u għat-tfal għaliex dawn il-proġetti jtejbu l-kwalità tal-ħajja tal-familji. F’Mejju li għadda ġie inawgurat il-proġett ta’ Villa Rundle f’Għawdex, ix-xahar li għadda l-Gvern fetaħ l-ewwel Water Park f’Buġibba, ilbieraħ infetaħ Ġnien Pembroke filwaqt li fil-jiem li ġejjin se jiġi inawgurat Ġnien it-Tliet Għoljiet f’Marsalforn.
Il-Prim Minsitru qal li jekk tħares lejn il-pajjiżi ta' madwarna, minħabba l-qagħda ekonomika, ħlief diskors fuq miżuri ta’ awsterità ma tismax. Minflok f'pajjiżna, qed ninvestu fi proġetti li jtejbu l-kwalità tal-ħajja tat-tfal u l-familji tagħna. Minn post mitluq, Ġnien Pembroke qed jingħata lill-familji u għat-tgawdija wkoll tat-turisti li jżuru lil pajjiżna.
Il-Prim Ministru qal bħal kull proġett ieħor, Ġnien Pembroke sar bix-xogħol tal-ħaddiema. Fuq dan il-proġett, f’xi fazi jew oħra kien hemm jaħdmu 145 ħaddiem. Il-proġetti joħolqu x-xogħol għall-ħaddiema, sostna l-Prim Ministru. Dan hu Gvern iffukat fuq il-ħolqien tal-impjiegi u għalhekk nieda skemi li joħolqu x-xogħol għaż-żgħażagħ u l-ħaddiema, qed iwettaq proġetti ta’ fejda li wkoll jagħtu xogħol għall-ħaddiema u qed jinċentiva lis-settur privat u lis-sidien ta’ negozji zgħar u medji biex iżidu l-ħaddiema magħhom. Dan kollu qed iwassal biex jinħolqu aktar impjiegi ġodda, biex jiżdiedu l-impjiegi u r-rata ta’ qgħad tkun fost l-aktar waħda baxxa fl-Unjoni Ewropea.
Il-Prim Ministru Lawrence Gonzi qal li Ġnien Pembroke sar b’fondi allokati lil pajjiżna mill-Unjoni Ewropea. Dan hu riżultat tas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Il-Gvern qed juża wkoll dawn il-fondi biex issaħħaħ il-prodott turistiku. Il-Prim Ministru rringrazzja lil dawk kollha li jaħdmu fl-industrija tat-turiżmu għall-ħidma tagħhom. Hu qal li ż-żieda li ġiet reġistrata fl-aħħar xhur fit-turisti li ġew f’Malta hi wkoll riżultat tal-investiment li jsir mis-settur privat u tal-ħaddiema f’din l-industrija.
Il-Ministru għat-Turiżmu, Kultura u l-Ambjent, Mario de Marco, qal li dan il-ġnien huwa parti minn investiment ta’ 20 miljun b’fondi ERDF li qed jitmexxew mill-Awtorità Maltija tat-Turiżmu. Minbarra l-ġnien, dan l-investiment jinkludi il-promenade ta’ San Pawl il-Baħar li kien inawgurat fl-2011, il-proġett tal-Aquarium fil-Qawra, walking/cycling track fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta u r-Restawr tat-Torri tal-Madliena. Mario de Marco qal li l-ġnien isaħħaħ il-prodott turistiku ta’ pajjiżna li huwa pilastru ewlieni tal-istrateġija li qed iwettaq il-Gvern u li qed tissarraf f’riżultati pożittivi għal pajjiżna. Hu fakkar li l-istrateġija bbażata fuq l-investiment fil-prodott, l-aċċessibilità u l-promozzjoni effettiva waslet biex pajjiżna kellu erba’ snin rekord fl-aħħar ħames snin. Il-Kap Eżekuttiv tal-MTA, Josef Formosa Gauci spjega li l-Awtorità hija impenjata li tinvesti u ssaħħaħ il-prodott turistiku ta’ pajjiżna. Hu spjega li l-ġnien jinkludi tliet pjazez, water feature, play area għat-tfal kif ukoll żewġ parking areas.
Stqarrijiet Oħra:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017