IMNEDIJA L-ISTRATEĠIJA GĦALL-MOBILITA` ELETTRIKA F’PAJJIŻNA – IMĦABBRA ŻEWĠ SKEMI BIEX AKTAR PERSUNI JITĦAJRU JINVESTU F’KAROZZA ELETTRIKA
Illum il-Ministru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali George Pullicino, filwaqt li nieda l-istrateġija tal-Gvern biex tiżdied il-mobbilita` elettrika f’pajjiżna, ħabbar żewġ inizjattivi biex aktar persuni jitħajru jagħżlu li jixtru karozza elettrika.
l-ewwel skema li ġiet ippubblikata fil-gazzetta tal-Gvern tal-lum qegħda toffri lil kull min jixtri karozza elettrika ġdida f’kategorija M1, li jingħata rifużjoni ta’ 25% sa massimu ta’ €4,000. Il-Ministru Pullicino nieda wkoll inizjattiva fejn 24 karozza elettrika se jingħataw lill-pubbliku wara proċess ta’ għażla biex għal perjodu ta’ 3 xhur jesperjenzaw karozza elettrika u jservu ta’ testimonjanza għall-pubbliku inġenerali.
Din l-inizjattiva tifforma parti mill-proġett Demo EV li ser jiswa madwar €1.9 miljun li madwar 50% huma fondi tal-EU. Il-volontiera li jixtiequ japplikaw u jipparteċipaw f’din l-inizjattiva jridu jkunu ta’ aktar minn 25 sena u jkollhom liċenzja valida. L-applikazzjonijiet jistgħu jitniżżlu mis-sit www.mrra.gov.mt u jintbagħtu fuq info.mrra@gov.mt u jagħlqu nhar is-7 ta’ Settembru.
Barra minn hekk, permezz ta’ dan il-proġett DemoEV ser jiġu nstallati wkoll 100 charging point madwar il-pajjiż, għall-użu tal-poplu Malti u Għawdxi. Parti interessanti ta’ dan il-proġett tirrigwarda xi studji li ser isiru biex titqabbel l-effiċjenza tal-vetturi konvenzjonali mal-vetturi elettriċi, kif ukoll xi studji oħrajn li juru kemm din hija teknoloġija nadifa li tista’ tgħinna nnaqqsu l-emissjonijiet li joriġinaw mit-trasport.
Waqt preżentazzjoni b’rabta mal-istrateġija dwar il-mobilita` elettrika li saret mill-Ing. Peter Mifsud, ġie spjegat li din l-istrateġija tiffoka fuq numru ta’ proposti li l-Gvern ukoll diġa` beda jimplimenta filwaqt li sar studju dwar ix-xejriet u l-użanzi tal-familji maltin u għawdxin f’dan il-qasam.
Il-Ministru Pullicino qal li l-iStrateġija Nazzjonali rigward il-vetturi li jaħdmu bl-elettriku saret b’konsultazzjoni mal-importaturi lokali tal-karozzi. Huwa rringrazzja lil kull min ħadem fuq din l-istrateġija: lill-Ing. Peter Mifsud li kien iċ-Chairperson tal-kumitat, Dr Benjamin Pulè, Mr Herald Bonnici, Mr David Sutton, Mr Anthony Borg, u Prof. Joseph Cilia.
Il-Ministru Pullicino fakkar ukoll fil-ħidma tal-Gvern f’dan il-qasam biex tingħata arja aktar nadifa. Qed jintuża aktar biodiesel, il-Gvern nieda Il-Politika Nazzjonali għall-Ambjent li tinkludi diversi inizjattivi favur il-kwalità tal-arja. Daħlet sistema ta’ reġistrazzjoni tal-karozzi li biha ninċentivaw il-karozzi aktar ġodda, iżgħar, li jaħlu anqas u jniġġsu anqas, daħlet skema li permezz tagħha minn jiskrappja karozza antika jingħata sa €2000, naqqasna l-liċenzja tal-karozzi li jaħdmu bl-elettriku minn €75 għal €10. Wettaqna wkoll r-riforma fit-trasport pubbliku li wasslet biex illum għandna flotta ġdida b’karozzi aktar ambjentali.
Stqarrijiet Oħra:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017