Left arrow Mur Lura

IT-TIELET XAHAR REKORD FIT-TURIŻMU

pr1702
Date Icon 31/07/2012

Wara li April u Mejju kienu xhur rekord fit-turiżmu, minn ċifri ppubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika llum jirriżulta li anke Ġunju  hu xahar ieħor rekord. F’Ġunju  waslu Malta 147,361 turist, li huwa l-ogħla  numru ta’ turisti li qatt żaru Malta fix-xahar ta’ Ġunju fl-istorja tat-turiżmu ta’ pajjiżna. Dawn ir-riżultati jagħtu xejra inkoraġġenti għall-istaġun tas-sajf li fl-industrija tat-turiżmu jirreferi għall-perjodu ta’ bejn April u Ottubru.

It-turisti li ġew Malta f’Ġunju qattgħu 1,182,138 lejl f’Malta, li huwa wkoll l-ogħla numru ta’ ljieli li t-turisti qattgħu Malta fix-xahar ta’ Ġunju fl-istorja tat-turiżmu. Dawn it-turisti nefqu €128.6 miljun. Dawn iċ-ċifri juru żieda ta’ 8,628 (+6.2%) turist fuq it-totalità tat-turisti li waslu Malta fl-istess xahar is-sena l-oħra; żieda ta’ 132,288 (+12.6%) lejl fuq it-totalità  ta’ iljieli li qattgħu Malta, u żieda ta’ €14.8 miljun (+13.1%) fin-nefqa fuq l-istess xahar is-sena l-oħra.

Fl-ewwel sitt xhur kellna l-ikbar numru ta’ ljieli li qattgħu t-turisti f’Malta b’żieda ta’ 158,358 (3.5%) iljieli fuq l-istess perjodu s-sena l-oħra u l-ogħla nefqa mit-turisti b’€484.4 miljun, b’żieda ta’ €15.3 miljun (3.3%).

Ftit ġimgħat ilu l-MIA ħabbret li n-numru ta’ passiġġieri fl-ewwel sitt xhur tas-sena kien ta’ 1.58 miljun, li huwa l-ogħla numru qatt irreġistrat.

Ir-riżultati pożittivi li nkisbu f’dawn l-aħħar xhur huma frott il-ħidma tal-Gvern, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu flimkien mal-istakeholders biex insaħħu l-aċċessibbilità għal pajjiżna,  bin-numru ta’ rotot lejn pajjiżna dejjem jiżdiedu. Fil-fatt, in-numru ta’ rotot skedati dirett lejn pajjiżna żdiedu minn 45 fl-2006 għal 81 din is-sena. Ir-riżultati huma wkoll frott iż-żieda fil-promozzjoni mill-MTA l-aktar fi bliet u żoni minn fejn  bdew jitħaddmu rotot ġodda. Ir-riżultati pożittivi jirriflettu wkoll it-titjib fil-prodott permezz ta’ diversi proġetti infrastrutturali, ta’ restawr u tisbiħ li qed jitwettqu mal-pajjiż kollu. Il-proġett li ser ninawguraw aktar tard illum f’Pembroke hu wieħed minn kullana li twettqu fl-aħħar xhur biex id-dehra ta’ pajjiżna tkun waħda aktar moderna u biex kemm il-Maltin kif ukoll it-turisti jkollhom aktar spazji miftuħa fejn iqattgħu l-ħin liberu tagħhom . Dan it-titjib fil-prodott ġie anke sostnut mis-settur privat li jaf li biex jiġu aktar turisti lejn pajjiżna rridu noffrulhom l-aħjar.

Il-Gvern se jibqa’ impenjat li jwettaq politika li ġġib riżultati pożittivi li jsaħħu l-ekonomija u joħolqu x-xogħol. Din is-sena, il-Gvern nieda il-Politika tat-Turiżmu (2012-2016) li tinkludi proposti li jibnu fuq ir-riżultati fl-aħħar snin filwaqt li jagħtu direzzjoni lis-settur għas-snin li ġejjin. It-twettiq ta’ din il-politika ifisser li pajjiżna jkompli jiżviluppa settur turistiku li huwa sostenibbli  u li jkompli jissaħħaħ bħala pilastru ewlieni tal-ekonomija ta’ pajjiżna.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Tittella’ konferenza nazzjonali li tqajjem aktar għarfien u azzjoni kontra l-vjolenza domestika

PR262018

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

Aktar Stqarrijiet Right arrow