MINISTRI U RAPPREŻENTANTI TAS-SAĦĦA TA’ 53 PAJJIŻ F’MALTA GĦAL KONFERENZA TAL-GĦAQDA DINJIJA TAS-SAĦĦA
Għal erbat ijiem matul Settembru li ġej pajjiżna se jkun iċ-ċentru tad-dinja medika hekk kif se jilqa’ konferenza tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa u li għaliha huma mistiedna jattendu Ministri u uffiċjali għolja mis-servizzi tas-saħħa ta’ 53 pajjiż.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità, l-Onor Joe Cassar qal li din hi l-ewwel darba li din il-konferenza ta’ kalibru daqshekk għoli ser issir f’pajjiżna. Il-Konferenza, li ser issir bejn l-10 u t-13 ta’ Settembru li ġej, tissejjaħ Regional Committee u se tkun it-62 laqgħa. Pajjiżna għamel l-istedina erba’ snin ilu waqt laqgħa li saret fil-Georgia, u din ġiet aċċettata uffiċjalment fil-laqgħa ta’ wara li kienet saret f’Copenhagen.
Il-Ministru Cassar spjega li r-Regional Committee ssir kull sena u matulha jiġi diskuss l-impatt fuq ir-reġjuni Ewropej tar-riżoluzzjonijiet deċiżi waqt il-World Health Assembly f’Geneva. Il-laqgħa li ser issir f’pajjiżna, ser tkun waħda pjuttost importanti u li matulha se jiġu diskussi numru ta’ dokumenti li mistennija jiġu wkoll approvati formalment. L-aġenda hi waħda ppakkjata u tinkludi l-approvazzjoni formali tal-Health 2020, li hija l-politika li se tkun imħaddna sal-2020. Se jiġu diskussi wkoll pjan ta’ Azzjoni Ewropew dwar it-tisħiħ tas-saħħa pubblika inkluż servizz, strateġija u pjan ta’ azzjoni dwar ir-realtà li n-nies qed jgħixu aktar, u numru ta’ riformi tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa.
Dr Cassar qal li matul il-konferenza se jkun hemm numru ta’ laqgħat tekniċi kemm għall-Ministri kif ukoll għall-uffiċjali tal-pajjiżi. Bħal ma jiġri f’konferenzi simili, il-pajjiżi differenti jieħdu l-opportunità, u jagħmlu laqgħat informali u uffiċjali qabel ma tibda l-konferenza. Fil-fatt se jkun hemm pre-meeting għall-Ministri tal-istati membri tal-Lvant kif ukoll laqgħa tal-iStanding Committee tal-Kumitat Reġjonali. Il-Ministru Cassar fakkar li s-sena li għaddiet, Dr Ray Busuttil, Supretindent tas-Saħħa Pubblika, waqt ir-Regional Committee li kien sar f’Baku, l-Azerbaijan, ġie elett bħala membru tal-iStanding Committee tar-Regional Committee tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa. Dan kien mument importanti għall-pajjiżna partikolarment għall-fatt li pajjiżna kellu leħen b’esperjenza f’kumitat daqshekk importanti.
Dr Ray Busuttil, qal li l-laqgħa li ser issir f’pajjiżna hija waħda impenjattiva b’mod partikolari għax il-pajjiżi membri qegħdin jistennew bil-ħerqa l-addozzjoni formali tad-dokument Health 2020. Hu qal li l-ħidma prinċipali matul dawn l-aħħar snin iffukat propju fuq dan id-dokument u l-fatt li issa wasal biex jiġi approvat formalment tgħolli l-livell tal-konferenza li ser issir f’pajjiżna.
Id-dokument se jwitti t-triq għall-politika dwar is-saħħa addottata mill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa għal dan ir-reġjun sas-sena 2020. Hu stmat li madwar 600 uffiċjal se jattendu għal din il-konferenza filwaqt li l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa ġġib madwar 100 uffiċjal ieħor.
Stqarrijiet Oħra:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017