STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU, L-AMBJENT U L-KULTURA
Il-Ħatra ta’ Kummissarju għall-Ambjent
Minkejja l-ispjegazzjoni ċara mill-Ministeru għat-Turiżmu, l-Kultura u l-Ambjent dwar il-ħatra ta’ Kummissarju għall-Ambjent fl-Uffiċċju tal-Ombudsman, l-Oppożizzjoni tibqa’ tinsisti b’dikjarazzjonijiet u stqarrijiet żbaljati intenzjonati biex joħolqu dubji meta l-proċess hu wieħed ċar, regolat mill-liġi u li l-istess Oppożizzjoni kienet qablet dwaru fil-Parlament meta kienu qed isiru l-emendi għall-Att li jirregola l-Uffiċċju tal-Ombudsman.
Il-Ministeru għat-Turiżmu, l-Kultura u l-Ambjent, fi kjarifika li ħareġ ilbieraħ diġa’ għamilha ċara li japprezza x-xogħol li wettaq, u l-impenn li wera, l-Perit Joe Falzon li għal tmien snin okkupa l-kariga ta’ Awditur tal-MEPA. Il-Gvern estenda, għal aktar minn darba, t-terminu tal-Perit Falzon li oriġinarjament kien appuntat għal perjodu ta’ tlett snin – sas-sena 2007 – imma l-Gvern ġedded it-terminu tal-Perit Falzon għal tlett snin oħra. Fl-2010 il-Gvern reġa ġedded it-terminu tal-Perit Falzon sakemm daħlu fis-seħħ l-emendi għall Att li jirregola l-Uffiċċju tal-Ombudsman u sakemm jinħatar Kummissarju għall-Ambjent fl-Uffiċċju tal-Ombudsman.
Il-bidliet fl-Att li jirregola l-Uffiċċju tal-Ombudsman, kienu jagħmluha ċara li jispiċċa l-Uffiċċju tal-Awditur tal-MEPA u jinħatar Kummissarju għall-Ambjent fi ħdan l-uffiċċju tal-Ombudsman. Dawn il-bidliet kienu maqbula b’ kunsens unanimu fil-Parlament mill-Gvern u mill-Oppożizzjoni.
L-iskop ta’ dawn il-bidliet huma li jkun hemm skrutinju aħjar tax-xogħol tal-MEPA u dan minħabba li l-Uffiċċju tal-Ombudsman, u l-Kummissarji fi ħdan l-uffiċċju tiegħu, jirrispondu direttament lill-Parlament, u mhux lill-Gvern.
Il-Kummissarju għall-Ambjent fi ħdan l-Uffiċċju tal-Ombudsman jinħatar bi qbil bejn il-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni. Jekk ma jintlaħaqx qbil fil-perjodu stipulat imbgħad ikun l-Ombudsman li jidentifika u jappunta persuna għal din il-kariga. Minħabba li baqa’ ma ntlaħaqx qbil bejn il-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppozizzjoni, minkejja li l-Gvern għamel ħiltu kollha biex jintlaħaq qbil fuq din il-kariga importanti, kellu jkun l-Ombudsman li kif stipulat fil-liġi jidentifika u jappunta persuna hu għal din il-kariga.
Minħabba li l-Gvern ma rċieva ebda notifika mill-Uffiċċju tal-Ombudsman dwar il-ħatra ta’ Kummissarju għall-Ambjent, il-Gvern ma kienx f’pożizzjoni li jinforma lill-Perit Falzon għax il-ligi tpoġġi r-responsabbiltà ta’ din il-hatra fuq l-Ombudsman u mhux fuq il-Gvern.
L-Awtorità Maltija għall-Ambjent u l-Iżvilupp, il-MEPA, se tkun qed taħdem mal-Perit Falzon u mal-Uffiċċju tal-Ombudsman biex tassigura li l-proċess tranżitorju sakemm l-Uffiċċju tal-Ombudsman jaħtar Kummissarju għall-Ambjent, jimxi mingħajr problemi.
L-Oppożizzjoni dan kollu tafu għax kienet fil-Parlament u qablet mal-emendi fil-liġi li wasslu għal dan it-tibdil li jassigura skrutinju aktar effettiv mill-Parlament fuq hidmet il-MEPA; imma għal skopijiet partiġġjani qed tipprova toħloq id-dubji. Din hi r-responsabbiltà u nuqqas ta’ serjetà minn naħa tal-Oppożizzjoni.
Stqarrijiet Oħra:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017