Left arrow Mur Lura

IPPUBBLIKAT L-EMBRYO PROTECTION BILL

pr1679
Date Icon 27/07/2012

Ħidma biex inħarsu l-ħajja u biex nirregolamentaw l-IVF

Illum fil-Gazzetta tal-Gvern kien ippubblikat l-Abbozz ta' Ligi li permezz tiegħu, għall-ewwel darba f'pajjiżna, se jkun qed jigi regolat it-trattament u l-process tal-IVF bħala metodu ta' prokreazzjoni assistita. L-abbozz ta' liġi jismu "Embryo Protection Bill".

Waqt konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja Chris Said qal li dan l-abbozz ta' liġi diġa kien ippreżentat għall-ewwel qari fil-Parlament u l-istadju tat-tieni qari mistenni jsir fl-ewwel ġimgħat wara l-ftuħ mill-ġdid tal-Parlament wara l-btajjel tas-sajf.

Hu spjega li l-miri tal-Gvern u ta' dan l-abbozz ta' liġi huma mnebbħħa mill-prinċipju tal-ħarsien tal-ħajja.  Il-liġi tħares il-ħajja ta' embrijun uman li jiġi kkonceput bl-IVF; u tagħti ċ-ċans lil koppja li għal xi raġuni jew oħra ma jirnexxiliex ikollha tarbija b'mod naturali, sabiex huma wkoll ikunu jistgħu jsiru ġenituri, mingħajr ma dan id-dritt taghhom jħalli effett negattiv fuq il-ħajja tal-embrijuni li jiġu kkonċeputi bl-IVF.  Dan l-abbozz ta' liġi jassigura wkoll li l-IVF jiġi regolamentat sabiex b'hekk jitħarsu d-drittijiet tal-koppja u tal-embrijuni kkonċeputi.

Koppja miżżewġa u/jew koppja ta' persuni li għandhom 'il fuq minn 18-il sena u li jinsabu f'relazzjoni stabbli se jkunu eliġibbli għat-trattament tal-IVF. Dawn il-koppji jkunu jridu jagħtu l-kunsens tagħhom bil-miktub. L-iffrizar tal-bajd se jkun possibbli.  Kull forma ta' prezervazzjoni ta' embrijuni, inkluż l-iffrizar tal-embrijuni, se jkun ipprojbit. F'cirkostanzi ta’ force majeure l-iffriżar ta’ embrijun għandu jigi regolat mill-Awtorita’ respettiva identifikata fil-liġi.

L-abbozz ta' liġi jsejjaħ għat-twaqqif ta' Awtorita' dwar il-Harsien tal-Embrijun li tkun magħmula min-numru ta' esperti. Din l-Awtorita' trid taħdem biex tassigura li t-tobba, l-paramediċi u dawk kollha involuti fit-trattament u l-process tal-IVF isegwu standards etiċi għolja; toħrog licenzji lill-kliniċi li japplikaw għar-registrazzjoni sabiex jaghmlu l-IVF u twettaq spezzjonijiet regolari biex tara li l-istandards tal-best practice ikunu qed jiġu osservati; toħroġ ċertifikati lill-ġenituri li jkunu eliġibbli biex jagħmlu t-trattament tal-IVF; iżżomm l-informazzjoni kollha dwar l-embrijuni, dwar l-iżvilupp taghhom u dwar l-izvilupp fit-trattament u fis-servizzi offruti; u toffri pariri u informazzjoni lill-ġenituri prospettivi u lill-kliniċi registrati ghall-IVF.

L-abbozz ta' liġi jistabbilixxi bħala illegali proċeduri li permezz tagħhom l-iffertilizzar ta' ċelloli (bajd) jsir għal skopijiet ulterjuri għajr biex mara toħroġ tqila; isir l-iffertilizzar ta' aktar minn zewġ bajdiet waqt l-istess ċiklu ta' trattament tal-IVF li jkun qed jingħata lil mara; l-embrijuni kollha prodotti waqt l-istess ċiklu ma jkunux trasferiti fil-ġuf tal-omm; it-tneħħija ta' embrijun minn utru ta' mara sabiex jiġi trasferit f'mara oħra; l-għazla ta' embrijuni sabiex fuqhom isiru testijiet kliniċi; l-għoti tat-trattament tal-IVF, u t-trasferiment ta' embrijun fl-utru ta' mara, li ma tkunx lesta tieħu ħsieb personalment lit-tarbija wara t-twelid (surrogate motherhood); is-selezzjoni ta' sperma magħzula apposta biex tiddeterimina s-sess tat-tarbija; cloning; l-uzu impropju ta' bajda meħuda minn mara u impjantati f'mara differenti; l-użu ta' bajda jew sperma meħudha minghajr il-kunsens tal-mara jew ir-raġel rispettiv; l-użu ta' bajda jew sperma wara l-mewt tal-persuni kkonċernati; it-taħlit taċ-ċelloli umani maċ-ċelloli ta' xi annimal; kull sperimentazzjoni fuq embrijuni umani; u kull distruzzjoni ta' embrijuni umani.

Il-Ministru Chris Said irringrazzja lil kull min ta sehmu fix-xhur li għaddew b'mod partikolari lill-Kumitat Magħzul tal-Kamra biex jikkunsidra r-Regolamentazzjoni tal-Prokreazzjoni Medikament Assistita li tmexxa mid-deputat Jean Pierre Farrugia.  Hu qal li fit-tfassil ta' dan l-abbozz ta' liġi l-Gvern sema' u ha ħafna pariri ta' tobba, professjonisti u entitajiet.

Il-Ministru għas-Saħħa, Anzjani u Kura fil-Komunita, Joe Cassar  spjega li la darba ġie ppublikat l-abbozz tal-Liġi dwar il-protezzjoni tal-embrijun, is-servizzi li jingħataw mid-Dipartiment tas-Saħħa li jikkoncernaw ir-riproduzzjoni assistita ser jiżdiedu.  Fil-fatt is-servizz il-ġdid se jiżdied mas-servizz tan-Naprotechnology li jittratta konċepiment b’mod naturali.

Il-Ministru Cassar qal li l-pass tas-servizz tal-Assistive Reproductive Technology li hija aktar magħrufa bħala IVF huwa r-riżultat ta’ ħidma li ffukat fuq investigazzjoni ta metodoloġiji u sistemi differenti sabiex finalment tiġi proposta u magħżula dik li se jadotta pajjiżna, dejjem bl-iskop prinċipali li jiġi protett l-embrijun u jinkiseb r-riżultat mixtieq.

Matul dawn l-aħħar snin, saru laqgħat ta konsultazzjoni maċ-Ċentru Ewropew ta’ fertilizzazzjoni Studi Medicina della Riproduzione.  Dan iċ-ċentru rinomat hu meqjus bħala ċentru dinji ewlieni fil-qasam.  Saru wkoll konsultazzjonijiet fuq id-diversi aspetti tal-IVF ma esperti mill-Istati Uniti u mill-Canada.  Minn dan l-eżerċizzju ġie stabilit x’direzzjoni se tittieħed, x’appart hemm bżonn kif ukoll x’taħriġ hu neċessarju.

Il-Ministru Cassar qal li b’hekk saret l-għażla tat-teknika li tissejjaħ Oocyte Vetrification, Hu qal li l-għażla li tiġi adottata din it-teknika ittieħded fuq żewġ aspetti.  L-ewwelnett dik li ma tinvolvix iffriżar ta embrijuni, u t-tieni l-evidenza xjentifika tar-rata ta’ suċċess ta din it-teknika. Filwaqt li t-taħriġ ser jibda jingħata fi ftit ġimgħat oħra, I-apparat meħtieġ diġa jinsab kważi kollu fl-iSptar Mater Dei. 

Dr Cassar fiehem li huwa ppjanat li fis-sena li ġejja f’pajjiżna jiġi offrut madwar 250 IVF cycle. Dan in-numru mistennij li jikber fis snin ta wara. Il-Ministru Cassar qal li bħall kull wieħed mill-aktar minn 4,000 servizz tas-saħħa li l-Gvern joffri lill-poplu Malti u Għawdxi, l-intitolar għal-dan is-servizz ser ikun ibbażat fuq il-linji gwida magħrufa bħala NICE (National Institute for Health and Clinical Excellence). 

Issa li l-Abbozz tal-Ligi gie pubblikat, il-Ministeru ghal-Gustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja flimkien mal-Ministeru tas-Sahha, Anzjani u Kura fil-Kommunita' qed jilqghu kummenti u suggerimenti tal-pubbliku sal-14 ta' Settembru 2012.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Tittella’ konferenza nazzjonali li tqajjem aktar għarfien u azzjoni kontra l-vjolenza domestika

PR262018

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

Aktar Stqarrijiet Right arrow