Left arrow Mur Lura

TNAQQIS TA’ 15% FIL-PIŻ AMMINISTRATTIV GĦAN-NEGOZJI SA TMIEM L-2012

pr1676
Date Icon 27/07/2012

Fil-laqgħa tal-Core Group tal-MEUSAC li saret illum ġie diskuss ir-Rapport għal Regolamentazzjoni aħjar u għal aktar Simplifikazzjoni tal-Liġijiet. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, "Regolamentazzjoni Intelliġenti fl-UE" tistabbilixxi l-pjanijiet tal-Kummissjoni biex tiżgura l-kwalità tar-regolamentazzjoni. Ir-regolamentazzjoni intelliġenti għandha l-għan li tirregola fejn hemm bżonn iżda żżomm l-ispejjeż baxxi kemm jista' jkun.

Fi preżentazzjoni li saret minn John Aquilina, Kap Eżekuttiv tal-Management Efficiency Unit fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru (MEU) u l-Konsulent tal-MEU, Dott. Paul DeBattista, ingħatat ħarsa lejn il-progress u r-riżultati miksuba sa issa minn Malta f’dan il-qasam. 

Is-Sur Aquilina qal li l-Kummissjoni Ewropea qed timmira li tnaqqas il-piż amministrattiv b’25% fl-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea sal-aħħar ta’ din is-sena. Premezz ta’ regolamentazzjoni aħjar, ser ikun qed jonqos il-piż amministrattiv fuq in-negozji biex jiffrankaw il-ħin u r-riżorsi li jistgħu jintużaw fit-titjib tal-kompetittività u l-ġenerazzjoni tal-profitti, kemm għal negozji kbar kif ukoll għal dawk żgħar jew medji (SMEs).

Dott. DeBattista spjega kif waħda mill-ikbar ilmenti li jkollu l-Gvern mingħand in-negozjanti hija l-burokrazija.  Qal li jeżistu mal-400 liġi u madwar 2,500 avviż legali li jolqtu direttament lin-negozji. Kien għalhekk li daqs 6 xhur ilu saru bosta laqgħat mal-korpi kostitwiti biex jiddiskutu diversi temi marbuta mas-simplifikazzjoni tal-liġijiet u ssir spjegazzjoni tal-miżuri meħtieġa.

B’kollox hemm 10 oqsma li mistennija jiġu indirizzati biex il-piż amministrattiv għan-negozji f’Malta jitnaqqas bi 15% sa tmiem din is-sena fosthom il-ħlas tat-taxxa u tal-VAT, l-Ambjent u s-Sigurtà fl-Ikel.

Fost il-punti mqajma mill-membri tal-Core Group issemmew:

• Kemm fil-fatt qed jiġu ffrankati flus u ħin għan-negozjanti b’dawn il-miżuri

• Jekk il-miżuri li qed jittieħdu hux qed joħolqu iktar piżijiet

• Jekk hux qed isir assessjar ta’ kif qed tintlaqat l-ekonomija bil-miżuri li qed jittieħdu

• Il-piż amministrattiv żejjed fuq in-negozjanti

B’reazzjoni ntqal li sa issa ġew iffrankati mal-280,000 siegħa f’xogħol u mat-€8.5 miljun fis-sena; ekwivalenti għal 7.3%. Sal-aħħar tal-2012 biex tintlaħaq il-mira ta’ 15% se jiġu ffrankati €17.3 miljun u 716,000 siegħa fis-sena.  Dan kollu qed isir possibbli bil-ġbir tal-informazzjoni u l-qsim tal-informazzjoni min-negozjanti meta jippreżentaw id-dokumentazzjoni kollha dovuta.  Intqal li teżisti check-list tal-avviżi legali biex kull meta tiġi ppreżentata liġi ġdida tara x’impatt se tħalli fuq diversi oqsma fosthom in-negozji u tara li ma toħloqx piżijiet ġodda.  Dwar Għawdex, sar magħruf li s-simplifikazzjoni li qed tigi proposta se tkun f’forma ta’ one-stop-shop li mistenni jitwaqqaf, fl-istess waqt li hemm il-ħsieb li jitnaqqsu r-rekwiżiti meħtieġa biex jitħaffef il-proċess għall-ftuħ ta’ negozji ġodda f’Għawdex.

Dr DeBattista temm jgħid li wara li tintlaħaq il-mira ta’ 15% sal-aħħar tas-sena, l-MEU qed tara kif tista’ ssir iktar simplifikazzjoni tal-liġijiet f’oqsma oħra.

Il-Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja, Dott. Chris Said, li mexxa l-laqgħa, qal li ċ-check-list tal-avviżi legali ġiet riveduta biex tara x’impatt se jkollha fuq in-negozji. 

Matul il-laqgħa l-Ministru Said irringrazzja lil Richard Cachia Caruana għas-sehem tiegħu fi ħdan il-Core Group tal-MEUSAC fis-snin li għaddew bħala Rappreżentant Permanenti ta’ Malta għall-UE u awgura lil Marlene Bonnici li għadha kif inħatret minfloku.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Tittella’ konferenza nazzjonali li tqajjem aktar għarfien u azzjoni kontra l-vjolenza domestika

PR262018

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

Aktar Stqarrijiet Right arrow