Left arrow Mur Lura

STQARRIJA TAL-MINISTERU TAL-FINANZI, L-EKONOMIJA U INVESTIMENT

pr1671
Date Icon 27/07/2012

L-istqarrija ppubblikata llum mill-Kelliem Laburista Onor. Karmenu Vella hija xhieda ċara tal-mod li l-Oppożizzjoni tipprova tagħmel ħsara lill-pajjiż meta tipprova tgerrex, bi kliema stess, l-investiment, għad-dannu tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin.

L-Onor. Vella jibqa’ jipprova jaqta’ qlub il-familji Maltin u jbeżża’ bil-qagħda ekonomika ta’ pajjiżna. Filwaqt li l-Oppożizzjoni qisha tieħu pjaċir tbeżża b’riċessjoni, tinjora li l-istess statistika dwar tkabbir ekonomiku turi li bosta setturi qed ikomplu jikbru u jsiru aktar produttivi. Dan wassal biex meta mqabbel mal-ewwel kwart is-sena li għaddiet, il-pagi għall-ħaddiema Maltin żdiedu bi kważi 4%. Dan huwa riżultat dirett tal-inċentivi tal-Gvern favur l-industrija u s-settur tan-negozju li qed ikun megħjun jinvesti, ikabbar, jesporta u b’hekk iżid ix-xogħol. Minn dan igawdi kulħadd. Fl-ewwel kwart tas-sena żdied ukoll l-investiment u l-esportazzjoni.

Dan qed jiġi tradott fil-ħolqien ta’ aktar jobs. L-International Labour Organisation stess, ix-xahar li għadda, irrimarkat kif meta mqabbel maż-żmien ta’ qabel il-kriżi tal-2009, fost l--ekonomiji avvanzati tad-dinja r-rati tal-impjieg żdiedu biss f’sitt pajjiżi – wieħed minnhom Malta. Filfatt, aktar minn hekk, kienu Malta u l-Ġermanja biss li rnexxilhom inaqqsu l-għad fuq l-istess żmien. F'pajjiżna nħolqu 20,000 post tax-xogħol fl-aħħar erba' snin.

Ironikament, l-Oppożizzjoni tgħid li l-Kummissjoni Ewropea u l-Fond Monetarju Internazzjonali kritikaw il-qagħda finanzjarja ta’ pajjiżna. Forsi għalhekk tajjeb li l-Onor. Vella jitfakkar x’qal il-Fond ftit tax-xhur ilu meta ddeskriva l-prestazzjoni tal-awtoritajiet Maltin fil-qasam tal-finanzi bħala impressjonanti. F’rapport ieħor din is-sena, l-IMF qalet testwalment hekk:

“Confidence in Malta’s public finances has been shored up by the European Commission assessment that Malta has taken effective action to correct its excessive deficit. This reflects due recognition of the structural fiscal adjustment in 2011, one of the largest among the advanced countries.”

Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni Ewropea wettqet rapport intensiv imsejjaħ Alert Mechanism Report, bħala parti mill-implimentazzjoni tas-sistema ġdida ta’ sorveljanza tal-qagħda ekonomika u finanzjarja tal-Istati Membri Ewropej, li ddaħħlet fid-dawl tal-kriżi finanzjarja internazzjonali. Dan ir-rapport inkludi analiżi tas-sostenibbiltà finanzjarja, kompetittivita u tkabbir ekonomiku. Mill-Istati Membri Ewropej kollha, 11–il pajjiż biss – fosthom Malta – ma kienux identifikati għal review ulterjuri kif inhu l-kaz tal-Istati l-ohra, minħabba d-diffikultajiet li sabu ruħhom fihom.

Filwaqt li l-politika ekonomika tal-Gvern tibqa’ tirriżulta f’aktar postijiet tax-xogħol ta’ kwalità, l-unika proposta tal-Oppożizzjoni kienet dik li nimitaw il-mudell u l-istrateġija ekonomika ta’ Ċipru – li però llum jinsab fi stat ta’ kollass finanzjarju u jrid jitlob lill-pajjiżi li għadhom f’qagħda finanzjarja aktar b’saħħitha – fosthom Malta – biex jgħinuha toħroġ mill-kriżi.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Tittella’ konferenza nazzjonali li tqajjem aktar għarfien u azzjoni kontra l-vjolenza domestika

PR262018

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

Aktar Stqarrijiet Right arrow