‘ILWIEN’ - PROĠETT B’FONDI SOĊJALI EWROPEJ GĦAT-TFAJLIET LI JATTENDU SKEJJEL SEKONDARJI F’GĦAWDEX
Waqt żjara f’Dar Ġużeppa Debono f’Għajnsielem Għawdex, il-Ministru għall-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja ta iktar dettalji fuq il-proġett ‘Ilwien’, proġett li qed isir bil-Fond Soċjali Ewropew (ESF) bl-għajnuna tal-MEUSAC (Malta-EU Steering and Action Committee).
Il-Ministru Chris Said faħħar din l-inizjattiva għaliex permezz tagħha l-fondi Ewropej qed jintużaw f investiment fiż-żgħażagħ tagħna. Huwa qal li dan huwa wieħed mill-proġetti importanti li qed jgħinu żgħażagħ f’età tenera li ma jintilfux mis-sistema u jingħataw l-appoġġ kollu neċessarju minn professjonisti biex jippreparawhom għad-dinja tax-xogħol.
Il-Ministru rringrazzja lil Dar Ġużeppa Debono u l-Iskola Sekondarja fil-Kulleġġ t’Għawdex għal impenn tagħhom u d-dedikazzjoni li qed jaħdmu biha. Fisser kif permezz tal-proġett pilota li sar diġà nkisbu riżultati verament inkoraġġanti fosthom billi l-assentiżmu f’din l-iskola ġie eliminat għal kollox. Il-Ministru Said awgura li r-riċerka u r-riżultati li ser jinkisbu minn dan il-proġett għandhom jintużaw biex din l-esperjenza tinfirex fl-iskejjel kollha tal-pajjiż.
Dan il-proġett qed isir bi sħab mal-iskola sekondarja tal-bniet fil-Kulleġġ t'Għawdex u ċ-Ċentru t'Għawdex għall-Arti u s-Snajja u huwa maqsum f'żewġ programmi ta' taħriġ.
L-ewwel programm jilħaq studenti tfajliet ta’ bejn l-14 u s-16-il sena li għaddejjin minn problemi emottivi, fl-imġieba sesswali jew li huma 'single-mothers’. Fuq medda ta' sentejn dawn l-istudenti ser jieħdu sehem fi programmi, diskussjonjiet u seminars interattivi u prattiċi ta' motivazzjoni, snajja’, hairdressing u beauty care fejn ser jiġu mħeġġa jiżviluppaw il-ħiliet imprenditorjali.
It-tieni programm jinvolvi taħriġ fil-kompjuter, fil-matematika u fil-lingwa Ingliża. L-għan aħħari hu li dawn l-istudenti jiksbu l-għarfien bażiku meħtieġ biex isibu posthom fis-settur tal-informatika jew ikunu f'pożizzjoni aħjar li jkomplu b'korsijiet ogħla u speċjalizzati fl-ICT. Il-ġenituri ta' l-istudenti li ser jieħdu sehem f'dan il-proġett ser jingħataw ukoll servizzi ta' counselling.
Bħala parti mill-proġett ‘Ilwien’, Dar Ġużeppa Debono qed tmexxi wkoll kampanja ta' għarfien immirata għall-istudenti kollha Għawdxin li jattendu l-iskola sekondarja, fejn l-istudenti u l-ġenituri tagħhom ser jiġu mistiedna jattendu seminars u taħdidiet bis-sehem ta' professjonisti.
Preżenti għal din iż-żjara kien hemm ukoll il-Kap tal-MEUSAC Dott Vanni Xuereb li spjega kif fit-tliet snin u nofs li għaddew, il-MEUSAC kompla jgħin lil numru ta’ kunsilli lokali, għaqdiet mhux governattivi (NGOs) u entitajiet tal-Gvern biex jibbenefikaw minn proġetti b’kofinanzjament mill-Unjoni Ewropea (UE). Dan sabiex jitwettqu diversi inizjattivi f’setturi varji tas-soċjetà. Bejn dawn l-entitajiet qed isiru 116-il proġett b’finanzjament ta’ €17-il miljun. Preżentament hemm 21 inizjattiva oħra li qed jiġu evalwati mill-awtoritajiet rispettivi li huma responsabbli għall-immaniġġjar tal-fondi, kemm f’Malta kif ukoll fi Brussell.
Matul din is-sena diġà ngħataw 16-il proġett lill-NGOs b’valur ta’ ftit inqas minn €216,000. B’hekk, bejn l-2009 u l-2011, ingħataw b’kollox 36 proġett li bejniethom se jibbenefikaw minn ftit iktar minn €3.9 miljun. Preżentament hemm 13-il inizjattiva oħra jistennew biex issir l-evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet li kienu sottomessi fil-ġimgħat li għaddew.
Matul din is-sena, 9 kunsilli lokali bdew jibbenefikaw minn ftit iktar minn €2.6 miljun f’inizjattivi varji għaċ-ċittadini. It-total ta’ proġetti tal-kunsilli lokali li għalihom fl-aħħar sentejn u nofs inkiseb finanzjament ta’ €11-il miljun mill-UE bl-għajnuna tal-MEUSAC huwa ta’ 72. Bhalissa hemm 6 inizjattivi oħra ta’ kunsilli lokali x’jiġu evalwati fix-xhur li ġejjin.
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017