STQARRIJA MILL-MINISTERU ĠĦAS-SAĦĦA, L-ANZJANI U KURA FIL-KOMUNITA’
Stqarrija tal-P.L. mimlija taħwid turi kemm l-Oppożizzjoni ma tiehux il-qasam tas-Saħħa bis-serjeta’
Il-Ministeru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunita’ jirreferi għall-istqarrija maħruġa mill-Partit Laburista aktar kmieni llum. Irid jiġi ċċarat minnufiħ li min kiteb l-istqarrija, għal darb oħra, ma vverifikax il-fatti b’riżultat li ħareġ stqarrija mimlija ineżattezzi u li ma jirriflettux il-verita’.
Bl-istess importanza, il-Ministeru jikkundanna wkoll it-tgħajjir malafamanti li l-Partit Laburista għamel fil-konfront tal-professjonisti fi ħdan il-Public Service Commission.
Fi stqarrija mħawda għall-aħħar, il-Partit Laburista jidher li ma fehem xejn dwar is-sistema adottata fejn jidħlu impjiegi mal-Gvern. Sabiex professjonist ikun jista’ jaħdem fis-servizz pubbliku, irid ikun reġistrat mal-Kunsill rispettiv, liema pass jista’ jsir biss wara li l-professjonist ikun fil-fatt ġab il-kwalifiki meħtieġa.
Il-proċedura tal-intervisti ssir qabel ma jiġi ppublikat ir-riżultat finali, issir sabiex jiġi mħaffef il-proċess għall-kumdita’ ta’ min ikun qiegħed ifittex li jiġi mpjegat. Anke hawnhekk l-Oppożizzjoni, forsi minħabba għaġġla żejda, ma rrealizzatx li dan huwa proċess kompletament differenti u studjat apposta biex issir evalwazzjoni tal-persuna fuq livelli differenti, bħal esperjenza miksuba matul is-snin bħala student u kwalitajiet personali. Dan huwa proċess għal kollox differenti minn xi tip ta’ eżami edukattiv.
Li ma semmietx l-Oppożizzjoni hu li fil-jiem li ġejjin, se jiġu mpjegati aktar minn 200 infermier ġdid fis-servizz pubbliku. Lanqas ma semmiet id-diversi possibiltajiet ta’ speċjalizzazzjoni li llum hemm għad-dispożizzjoni tal-professjonisti.
Għal darb’oħra dan il-Ministeru jħoss il-bżonn li jappella għal aktar serjeta’ minn naħa tal-Oppożizzjoni fil-qasam tas-saħħa. Sfortunatament l-Oppożizzjoni għażlet li tuża il-qasam tas-saħħa għall-iskopijiet partiġjani tagħha, u f’dan il-każ, b’detriment għal min għadu kemm temm snin ta’ studju.
Hija ħasra li sadattant, l-Oppożizzjoni injorat għal kollox id-dmir li għandha biex tipprovdi mqar ħjiel ta’ politika serja għal dan is-settur tant importanti.
Other Press Releases:
PR262020en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR FOREIGN AND EUROPEAN AFFAIRS Malta and G...
PR262020