Left arrow Mur Lura

ESTENSJONIJIET U TISBIEĦ F’DIVERSI SKEJJEL TAL-GVERN BI SPIŻA TA’ €1.5 MILJUN

pr1652
Date Icon 25/07/2012

F’numru ta’ skejjel tal-Gvern bħalissa qed isiru diversi xogħlijiet ta’ estensjonijiet, kif ukoll xogħol ta’ tisbieħ li se jiswa madwar €1.5 miljun u li jkunu lesti qabel terġa’ tibda l-iskola f’Settembru li ġej.


Il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol Dolores Cristina dal-għodu żaret ix-xogħol li qed isir fl-iskola primarja ta’ San Pawl il-Baħar fejn qed jinbnew sitt klassijiet ġodda u jitkabbru tmien klassijiet oħra biex ikunu jistgħu jilqgħu fihom il-madwar 800 student u studenta li se tilqa’ fiha din l-iskola fis-sena skolastika li jmiss.

F’din l-istess skola l-Ministru żaret ukoll it-tfal li qed jattendu Klabb 3-16 u dawk li qed jattendu ċ-ċentru ta’ Skola Sajf.

Il-Ministru Cristina fakkret li l-Gvern barra dawn ix-xogħlijiet żamm il-wegħda li jibni skola ġdida kull sena.  Fil-fatt ix-xogħol fuq l-iskola sekondarja tal-Bniet tal-Kulleġġ San Injazju wasal fi stadju avanzat ħafna u tfasslu l-pjani għal skola ġdida flok is-Shreiber Ground f’Raħal Ġdid u żewġ skejjel oħra f’Santa Venera.

Matul il-vaganzi tas-Sajf, il-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada qed tagħmel xogħlijiet estensivi f’erba’ skejjel u  numru ta’ xogħlijiet oħra ta’ tisbieħ f’diversi skejjel tal-Gvern.

Barra mill-iskola ta’ San Pawl il-Baħar qed isiru wkoll estensjonijiet fl-iskola Primarja ta’ Ħaż-Żabbar billi jinbnew tliet klassijiet ġodda.  Qed isiru wkoll xi xogħlijiet fil-bitħa tal-iskola.  Dawn ix-xogħlijiet jinkludu li parti mill-bitħa tissaqqaf biex b’hekk dan l-ispazju jkun jista’ jintuża bħala spazju ta’ indoor activities.  Dan l-ispazju jipprovdi dell lill-istudenti fix-xhur sħan filwaqt li jipproteġihom mill-elementi fix-xitwa. 

Fl-iskola sekondarja tal-Bniet fiż-Żejtun qed issir estensjoni bil-bini ta’ sular fuq blokka eżistenti.  Din l-estensjoni tikkonsisti fi tliet laboratorji u tliet klassijiet.  Ta’ min isemmi wkoll li tmien laboratorji eżistenti qed jiġu mkabbra biex ikunu konformi mal-ispazji meħtieġa għal-laboratorji.

Xogħlijiet estensivi ta’ upgrading fuq blokka eżistenti qed isiru fl-iskola Sekondarja tal-Bniet tal-Ħamrun fil-Kulleġġ San Ġorġ Preca.  Ix-xogħlijiet jinkludu installazzjoni ġdida tal-elettriku u l-ilma, kisi u żebgħa, qlugħ ta’ madum antik u tqegħid ta’ madum ġdid.


Matul dan is-sajf qed isiru diversi xogħlijiet ta’ rinnovar kif ukoll tisbieħ f’diversi skejjel fosthom:

• fiż-żewġ skejjel primarji ta’ Raħal Ġdid fejn qed isir xogħol ta’ bdil ta’ aperturi ta’ barra;

• fl-iskola primarja tal-Għargħur fejn ukoll qed isir xogħol ta’ bdil ta’ aperturi ta’ barra;

• fl-iskejjel primarji tar-Rabat, Bormla u l-Isla qed isir xogħol ta’ bdil ta’ toilets;

• fl-iskola primarja tal-Marsa qed isir xogħol ta’ bdil ta’ aperturi ta’ ġewwa kif ukoll dawk ta’ barra;

• fl-iskola sekondarja tal-Bniet Mrieħel qed isiru xogħlijiet ta’ alterazzjonijiet kif ukoll qed isir bdil ta’ aperturi ta’ ġewwa;

• fl-iskola sekondarja tas-Subien f’Santa Venera qed isiru xogħlijiet ta’ alterazzjonijiet;

• fl-iskola Higher Secondary tan-Naxxar qed issir refurbishment ta’ waħda mill-blokki;

• fl-iskola Dun Manuel Attard Resource Centre Wardija qed isir upgrading fis-sistema tal-elettriku kif ukoll se jsir upgrading fil-btieħi;

• fl-iskola primarja tal-Furjana qed isir xogħol ta’ bdil ta’ aperturi ta’ barra;

• fl-iskejjel primarji tax-Xgħajra kif ukoll dik ta’ Ħal Qormi (San Gorg) qed isir xogħol ta’ bdil ta’ aperturi ta’ barra;

• fl-iskola sekondarja tan-Naxxar qed isir xogħol ta’ refurbishment f’waħda mill-blokki ta’ din l-iskola kif ukoll qed isir xogħol ta’ bdil ta’ aperturi;

• fl-iskola primarja tal-Mosta se jiġi installat lift;

• Child Care Centre ta’ San Gwann – Il –Mepa qed tistenna l-approvazzjoni tal-pjanti mill-KNPD biex tkun tista’ tressaq il-proġett għal deċizjoni mill-Board.

• Child Care Centre fiż-Żurrieq – Saru l-pjanti u ġiet sottomessa applikazzjoni mal-MEPA għal dan l-iżvilupp.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Tittella’ konferenza nazzjonali li tqajjem aktar għarfien u azzjoni kontra l-vjolenza domestika

PR262018

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

Aktar Stqarrijiet Right arrow