Left arrow Go Back

PERSUNI B’DIFFIKULTAJIET INTELLETTWALI JEW FIL-KOMUNIKAZZJONI KISBU ĊERTIFIKAZZJONI FL-UŻU TAL-KOMPJUTER

pr1651
Date Icon 25/07/2012

55 persuna li għandhom xi forma ta’ diżabilità intelletwali jew fiżika ngħataw ċertifikat ta’ profiċjenza fl-użu tal-kompjuter wara li għaddew minn eżamijiet wara li attendew b’suċċess korsijiet organizzati mill-FITA bil-kollaborazzjoni tal-MCAST u d-Direttorat għat-Tagħlim Tul il-Ħajja tal-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol u l-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità.

F’diskors qasir tal-okkażjoni qabel qassmet dawn iċ-ċertifikati, il-Ministru Dolores Cristina qalet li bniedem ikun jaf juża l-kompjuter, illum sar bżonn daqskemm hu bżonn li tkun taf il-Malti, l-Ingliż u l-aritmetika.  Il-kompjuter sar parti minn ħajjitna u għodda indispensabbli biex wieħed ikompli jiżviluppa kemm personalment kif ukoll akkademikament jew fil-qasam vokazzjonali.

Il-Fondazzjoni għall-Aċċessibilità tat-Teknoloġija tal-Informatika (FITA) – li twaqqfet ftit tas-snin ilu - hi l-Aġenzija ewlenija inkarigata biex tassigura aċċessibilità għat-teknoloġija tal-informatika lill-persuni b’diżabilita’ f’Malta u Għawdex.

Biex tilħaq dan l-iskop il-FITA tipprovdi korsijiet għal persuni b’diffikultajiet intelletwali jew fil-komunikazzjoni biex dawn jitgħallmu jużaw il-kompjuter b’mod effettiv u jkunu jistgħu jikkontribwixxu għall-ġid personali tagħhom kif ukoll jagħtu kontribut lis-soċjetà.

Erba’ snin ilu, meta bdew, kien hemm 47 persuna li attendew dawn il-korsijiet filwaqt li fis-sentejn ta’ wara kien hemm 63 student ieħor. Din is-sena kien hemm 55 student ieħor.  Il-parti l-kbira ta’ dawn temmew il-korsijiet b’suċċess u ħadu ċertifikati.

Fil-qasam tal-edukazzjoni t-tagħlim tal-kompjuter illum hu meqjus bħala wieħed mill-erba’ ħiliet bażiċi li rridu nassiguraw li t-tfal kollha jiksbu sakemm ikunu għadhom fil-livell primarju.  Biex jintlaħaq dan l-iskop il-Gvern mhux biss ipprovda kompjuters fil-klassijiet kollha mill-kindergarten sas-sekondarja, imma ħoloq wkoll Ċentru fi ħdan id-Dipartiment tal-Kurrikulu u l-E-Learning li hu responsabbli mit-tixrid ta’ dan it-tagħlim. Issa se jkollna wkoll l-E-Learning Platform biex tkompli ssaħħaħ dawn l-istudji.

Barra minn dan fid-Dipartiment għas-Servizzi tal-Istudent għandu wkoll ċentru li hu minn ta’ quddiem fl-użu tat-teknoloġija assistiva lil studenti bi bżonnijiet edukattivi individwali u jevalwa programmi edukattivi speċjalizzati u joffri konsultazzjoni dwar dawn is-sistemi fl-iskejjel kollha kif ukoll fiċ-ċentri ta’ riżorsi.

L-E-Learning Centre tad-Direttorati tal-Edukazzjoni jikkollabora bis-sħiħ mal-FITA u flimkien mal-Fondazzjoni bħalissa żviluppaw software edukattiv bil-Malti u qed jiżviluppaw ukoll Text-to-Speech Engine bil-Malti wkoll.  Dawn l-għodod għandhom ikunu ta’ benefiċċju kbir għal mijiet ta’ studenti Maltin u Għawdxin li jinħtieġu aktar għajnuna fit-taħdit, fis-smiegħ, fil-qari u fil-kitba bil-Malti.

Dan kollu qed isir bi skop wieħed.  Biex persuni b’diżabilita’ jingħataw l-għajnuna kollha li għandhom bżonn biex jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom u jintegraw dejjem aktar fis-soċjetà.

F’dan il-kuntest ta’ min isemmi wkoll il-ħidma kbira tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità u ta’ numru ta’ għaqdiet volontarji li jaħdmu f’dan il-qasam.  L-indipendenza hi xi ħaġa li jaspira għaliha kulħadd u forsi aktar minn oħrajn il-persuni b’diżabilità. 

Illum saru diversi żviluppi li jistgħu jgħinu lil persuni b’diżabilità jkunu indipendenti kemm jista’ jkun.  Il-Gvern hu impenjat li jibqa’ jaħdem u joffri l-appoġġ kollu meħtieġ biex persuni b’diżabilità jkunu jistgħu jintegraw b’mod sħiħ fis-soċjetà u jagħtu l-kontribut validu tagħhom kemm għalihom infushom, għall-komunità li jgħixu fiha u għall-pajjiż kollu kemm hu.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR FOREIGN AND EUROPEAN AFFAIRS  Malta and Germany discuss European security and closer bilateral cooperation

PR262020en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR FOREIGN AND EUROPEAN AFFAIRS Malta and G...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ  Malta u l-Ġermanja jiddiskutu s-sigurtà Ewropea u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi

PR262020

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ Malta u l-Ġer...

More Press Releases Right arrow