STQARRIJA MILL-MINISTERU TAL-EDUKAZZJONI U X-XOGĦOL
Evarist Bartolo jkompli jħawwad u jqarraq
L-Onor. Evarist Bartolo qed jivvinta statistika falza u żbaljata biex jipprova jpinġi stampa kerha fil-qasam tal-edukazzjoni meta qal li 43% tal-istudenti li spiċċaw mill-iskola sekondarja ma qagħdux għall-eżamijiet tal-O Levels.
L-Onor. Bartolo qed iħawwad fl-istatistika bejn studenti ta’ 16-il sena, studenti li spiċċaw l-iskola sekondarja u l-kandidati li qagħdu għall-eżamijiet tas-SEC. Filwaqt li kien hemm 7,295 kandidat li għamlu xi eżami tas-SEC kienu biss 4,827 minnhom li spiċċaw l-iskola sekondarja din is-sena. Għalhekk ir-riżultat ta’ 43% li wasal għalih il-kelliem Laburista għall-Edukazzjoni hu qarrieq bl-iskop ċar li jpinġi stampa kera tal-edukazzjoni f’pajjiżna.
Għall-Partit Laburista l-eluf ta’ studenti li jattendu korsijiet fl-MCAST u fl-ITS u fil-higher secondary schools ta’ Malta u Għawdex donnhom ma jeżistux għax iqis li r-riżultati li jiksbu fl-eżamijiet tas-SEC li jgħinuhom jidħlu f’dawn l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla ma humiex tajbin biżżejjed. Għal Evarist Bartolo huma pożittivi biss ir-riżultati li jiksbu studenti li jidħlu l-Junior College jew is-Sixth Forms.
Għal darb’oħra, l-kelliem ewlieni Laburista għall-Edukazzjoni, Evarist Bartolo kemm f’artiklu li kiteb fil-Malta Today tal-Ħadd li għadda, kif ukoll f’kummenti lill-Malta Independent on Sunday, kompla jagħmel ballun politiku mir-riżultati tas-SEC.
Filwaqt li għall-Partit Laburista jistgħu jkomplu bl-edukazzjoni dawk biss li jiksbu riżultati minn Grad 1 sa Grad 5 – filosofija elitista – il-Gvern dejjem jara kif jinħolqu aktar opportunitajiet biex l-istudenti kollha jkollhom ċans jirnexxu u jkomplu mexjin ‘l quddiem.
Kien għalhekk li 10 snin ilu il-Gvern Nazzjonalista reġa’ fetaħ l-MCAST li kien għalaq il-Gvern Laburista. Illum fl-MCAST hemm jistudjaw aktar minn 6,000 student full-time illi li kien għall-Partit Laburista, spiċċaw mis-sistema edukattiv. Il-Gvern baqa’ jinvesti wkoll fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi fejn aktar minn 600 student qed iħejju ruħhom biex jaħdmu fl-industrija tat-turiżmu. Għall-Partit Laburista dawn ukoll huma studenti mormija għax hu ċar daqs il-kristall li għadu jħaddan politika selettiva fil-qasam edukattiv.
L-Onor. Bartolo jikkritika lill-Gvern għaliex isemmi r-riżultati pożittivi li rnexxielhom jiksbu ż-żgħażagħ Maltin li qagħdu għall-eżamijiet tal-MATSEC u jagħżel li jikkompara dawn ir-riżultati ma’ dawk miksuba minn studenti fil-Finlandja. Iżda li jonqos li jgħid huwa kemm is-sistema edukattiva tal-Finlandja qiegħda twassal għat-tranżizzjoni mid-dinja tal-edukazzjoni għal dik tax-xogħol. Fil-fatt, jekk wieħed iħares lejn l-istatistika uffiċjali jsib li r-rata ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ fil-Finlandja telgħet għal 20.1% fl-2011 meta kienet 18.7% fl-2006. Jekk nieħdu l-istess perjodu naraw li f’Malta ir-rata ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ niżlet minn 15.9% kif kienet fl-2006 għal 13.8% fl-2011, li jfisser li Malta għandha ir-raba’ l-inqas rata ta’ qgħad għaż-żgħażagħ fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.
Għalkemm dan il-Gvern jemmen li l-edukazzjoni hija importanti lil hinn mis-suq tax-xogħol, jagħraf li l-edukazzjoni u x-xogħol huma ż-żewġ uċuh tal-istess munita u għaldaqstant huwa determinat li jkompli juri l-fiduċja sħiħa tiegħu fiż-żgħażagħ Maltin.
Huwa proprju għalhekk li permezz ta’ investiment kontinwu, kemm minn fondi nazzjonali kif ukoll minn fondi Ewropej, qed inkomplu noffru aktar opportunitajiet biex aktar żgħażagħ ikomplu jirnexxu anke jekk ir-riżultati li jġibu ma jkunux l-aktar għoljin. Fil-fatt l-istatistika maħruġa mill-Labour Force Survey tindika li mill-2005 sal-2011 in-numru ta’ studenti li għandhom bejn il-15 u l-24 sena li qegħdin fl-edukazzjoni u t-taħriġ issa laħaq aktar minn 24,000.
Other Press Releases:
PR262020en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR FOREIGN AND EUROPEAN AFFAIRS Malta and G...
PR262020