Left arrow Mur Lura

SKEMA OĦRA BIEX TGĦIN LIS-SIDIEN TA’ NEGOZJU JINVESTU U JOĦOLQU AKTAR XOGĦOL

pr1630
Date Icon 23/07/2012

Permezz tal-Iskema Micro Guarantee, is-self-employed u sidien ta’ negozju li jħaddmu sa 20 persuna se jkunu jistgħu jibbenefikaw minn garanziji biex jittieħed self minn banek biex dawn jibdew jew ikabbru n-negozju tagħhom. Dan is-self se jkun jista’ jkopri xiri ta’ assi u working capital marbut miegħu. Permezz ta’ din l-iskema, li se tkun amministrata mill-Malta Enterprise, min se jitlob self biex jinvesti se jkun qed jintalab sigurtà li tkopri biss 10% tas-self meħtieġ. Dan se jgħin biex jinħolqu aktar postijiet tax-xogħol f’pajjiżna. Dan tħabbar mill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment Tonio Fenech u l-Ministru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u l-Konsumatur Jason Azzopardi

L-Iskema Micro Guarantee hija inizjattiva tal-Budget 2012 u se tidħol fis-seħħ mill-1 ta’ Awwissu 2012. Il-Micro Guarantee tista’ tintuża għalhekk biex tagħti appoġġ għal self meħtieġ għall-finanzjament ta’ spejjeż eliġibbli approvati mill-Malta Enterprise, li ma jaqbżux il-100,000 ewro. Sidien ta’ negozji interessati għandhom l-ewwel japplikaw mal-Malta Enterprise, u wara jkellmu l-bank tal-għażla tagħhom. S’issa, il-Bank of Valletta, Banif Bank u Lombard Bank diġà kkonfermaw il-parteċipazzjoni tagħhom.

Il-Ministru Tonio Fenech spjega kif is-settur tan-negozji ż-żgħar qed jagħti kontribut importanti fil-ġlieda kontra t-taqlib ekonomiku internazzjonali u qed iservi ta’ sors importanti ta’ ħolqien tax-xogħol. Dan qed ikun possibbli wkoll grazzi għall-inċentivi li qed jagħti l-Gvern, u spjega kif kważi 2,800 sid ta’ negozju investa aktar minn 160 miljun ewro bl-għajnuniet mogħtija permezz tal-MicroInvest, il-MicroCredit u l-Fondi Ewropej għall-industrija. Huwa ddeskriva din l-iskema bħala l-“pass li jmiss, bl-iskema Micro Guarantee għandha l-għan proprju li tagħti imbutattura oħra lis-sidien ta’ negozju f’pajjiżna billi tagħti aċċess aktar faċli għal self mill-banek li b’hekk jippermettilhom jinvestu u joħolqu aktar impjiegi”.

Il-Ministru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u l-Konsumatur Jason Azzopardi saħaq li dan huwa pass ieħor ‘il quddiem sabiex l-Gvern juri kemm jimpurtah mis-settur tan-negozji. Dan, qal il-Ministru qed isir b’fatti konkreti u mhux biss b’ħafna diskors sabiħ iżda li ma jwassal għall-imkien. Il-Ministru Azzopardi qal li din l-iskema se tkun għodda oħra importanti sabiex in-negozji jkomplu jissaħħew u jkabbru l-operat tagħhom. Huwa tkellem dwar l-importanza tal-iskemi l-oħra li qed ikunu ta’ għajnuna kbira għan-negozjanti fosthom il-Micro Credit li sal-aħħar ta’ Ġunju bbenefikaw minnha ‘l fuq minn 300 negozju li bejniethom ħadu self ta’ madwar 30 miljun ewro u t-total ta’ investiment ilaħħaq s-€47.1 miljun. Dan, spjega l-Ministru Azzopardi jfisser li diġà ttieħdu aktar minn nofs il-fondi allokati għal din l-iskema. Il-Ministru qal li 252 minn dawn in-negozji li bbenefikaw mill-iskema huma żgħar. Il-Ministru Azzopardi ħabbar ukoll l-aħħar ċifri ta’skema oħra li ssarfet f’suċċess, dik tal-Microinvest, fejn spjega li sal-aħħar ta’ Ġunju kien hemm 1705 applikazzjoni li minnhom 408 applikazzjoni kienu ta’ negozji Għawdxin. Dawn in-negozji kollha bejniethom impjegaw 358 persuna u bejniethom rċevew ‘il fuq minn 8 miljun ewro f’tax credits. Il-Ministru Azzopardi qal li dawn iċ-ċifri huma tassew inkoraġġanti u jfissru li n-negozji Maltin u Għawdxin qegħdin ikomplu jinvestu u joħolqu x-xogħol.

Min hu interessat biex jikseb aktar informazzjoni dwar il-Microguarantee kif ukoll l-iskemi l-oħra tal-Malta Enterprise jista’ jagħmel kuntatt mal-one-stop-shop tal-Malta Enterprise, il-Business First, fuq numru 144 jew billi jżur l-uffiċċji f’Tal-Pietà.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Tittella’ konferenza nazzjonali li tqajjem aktar għarfien u azzjoni kontra l-vjolenza domestika

PR262018

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

Aktar Stqarrijiet Right arrow