AĊĊESS GĦAL AKTAR RIŻULTATI MEDIĊI PERMEZZ TAS-SIT MYHEALTH: IS-SISTEMA QED TINTUŻA MINN 1,195 PERSUNA
Is-servizz ġdid tas-saħħa myHealth issa qiegħed joffri aċċess għal aktar riżultati ta’ eżamijiet mediċi. Fil-fatt dawk li qed jużaw dan is-servizz issa għandhom aċċess għal:
discharge letters tal-Isptar Mater Dei (case summaries)
lista tat-tobba li jistgħu jaħdmu f’pajjiżna, u li lilhom tista’ twassal it-tagħrif mediku tiegħek permezz tal-myHealth
informazzjoni dwar il-mediċini li inti bħalissa intitolat li tiġbor permezz tas-servizz tal-ispiżerija tal-għażla tiegħek
il-parti l-kbira tar-riżultati tal-laboratorju (Haematology, Biochemistry, Immunology u Toxicology), li jkunu nħadmu mil-laboratorji tal-Gvern
rapporti dwar l-eżamijiet kollha diġitali ta’ x-rays, CT scans, MRI, Ultrasound, eċċ, li jkunu saru fl-isptarijiet u l-kliniċi tal-Gvern
Permezz ta’ dan is-servizz, li huwa sistema online, il-pazjenti issa għandhom aċċess dirett għat-tagħrif mediku tagħhom permezz tal-internet. Il-pazjent jista’ jagħżel it-tabib jew tobba tiegħu mill-lista ta’ tobba li jistgħu jaħdmu f’pajjiżna. Ladarba dan isir, it-tabib magħżul jew tobba magħżula jkollhom aċċess għal din l-informazzjoni medika, u jistgħu jagħtu aċċess lill-pazjenti għar-riżultati tal-laboratorju u r-rapporti fuq l-x-rays, eċċ.
Il-Proġett myHealth tlesta fi żmien sena b’investiment ta’ 350,000 Ewro u kien tnieda fl-aħħar ta’Jannar ta’ din is-sena. Minn dakinhar ’l hawn baqgħu jiżdiedu n-numru ta’ persuni li jagħmlu użu mis-servizz li joffri kumdità u aċċessibiltà kontinwa.
Dr Hugo Agius Muscat, National eHealth Coordinator, spjega li l-ewwel pass li jrid jagħmel il-pazjent hu li jirreġistra għall-e-id. Wara dan il-pass il-pazjent ikun jista’ jidħol fis-sit u minn hemm jagħżel tabib / tabiba mill-lista tat-tobba li jistgħu jaħdmu Malta. Hu qal li l-għażla mhix limitata għal tabib wieħed biss u li b’dan il-mod il-pazjent ikun qiegħed jagħti permess lit-tabib / tobba li jkun għażel, biex ikollhom aċċess għar-riżultati mediċi tiegħu.
Il-Ministru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità Joe Cassar qal li dan is-servizz kien pass ieħor importanti fl-istorja tas-servizzi tas-saħħa hekk kif qiegħed isaħħaħ ir-relazzjoni bejn is-servizzi tas-saħħa tal-pajjiż u dawk tal-privat.
Il-Ministru qal li l-politika tal-Gvern fil-qasam tas-saħħa dejjem kienet dik li jtejjeb il-livell mhux biss tal-kura li tingħata imma wkoll tal-infrastruttura. Hu qal li, il-myHealth hija r-riżultat ta’ din il-politika u li, apparti vantaġġi oħra, din se sservi bħala punt ta’ referenza għall-pazjenti u allura jfisser li l-persuna tkun tista tieħu aktar ħsieb ta’ saħħitha, għax id-deċiżjonijiet dwar is-saħħa jkunu bbażati iżjed minn qabel fuq ir-riżultati mediċi. Hu fakkar li pajjiżna huwa wieħed mill-ewwel pajjiżi Ewropej li fih qiegħed isir avvanz daqshekk prominenti fis-saħħa.
Is-sit jinsab fuq l-indirizz www.myhealth.gov.mt u joffri wkoll il-possibiltà li l-persuna tirċievi notifika permezz ta’ email meta jkun hemm riżultat ġdid. Il-lista ta’ servizzi tinsab fuq in-naħa tal-lemin tal-ewwel paġna.
Huwa importanti li wieħed ikollu e-id biex ikollu aċċess għal dan is-servizz. Aktar informazzjoni dwar kif tista ' ssir l-e-id tista’ tinkiseb permezz tat-telefon 21226627 jew 21226628, jew mis-sit www.mygov.mt
Stqarrijiet Oħra:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017