DISKORS MILL-ONOR LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU, WAQT IL-FTUĦ TAN-NIGHT SHELTER ĠEWWA R-RESIDENZA SAN VINĊENZ DE PAUL, ĦAL LUQA – IL-ĠIMGĦA, 20 TA’ LULJU 2012
Huwa ta’ pjaċir għalija li qegħdin hawn biex ninawguraw inizjattiva oħra favur l-anzjani tagħna. Inizjattiva li tixhed il-valuri u l-viżjoni tal-Gvern lejn l-anzjani u l-anzjanità.
Il-valuri ewlenija li dawlu l-viżjoni tal-Gvern u li wassluna biex nintroduċu n-night shelters f’pajjiżna, huma l-valuri tas-solidarjetà u l-anzjanità attiva. L-għan prinċipali ta’ dawn in-night shelters hu li l-anzjani jibqgħu jgħixu attivi fil-kumdità ta’ darhom matul il-ġurnata, filwaqt li jsibu wens, kenn u serħan il-moħħ matul il-lejl.
B’hekk l-anzjani tagħna jibqgħu jgħixu l-istil ta’ ħajja li jridu huma, ikunu aktar b’saħħithom fiżikament, psikoloġikament u soċjalment, filwaqt li jnaqqsu l-possibbiltà li jkollhom bżonn li jidħlu f’residenza tal-anzjani fit-tul.
Bħaż-żewġ night shelters l-oħra fiż-Żejtun u l-Mellieħa, anke n-night shelter li qed niftħu llum huwa eżempju ċar u ħaj ta’ kif is-soċjetà Maltija turi solidarjetà b’servizzi li jippromwovu l-inklużjoni u l-anzjanità attiva permezz ta’ servizzi fil-komunità.
Għalhekk komplejna ninvestu fis-servizzi fil-komunità permezz ta’ 19-il day centre b’aktar minn 1,500 anzjan u anzjana jattendu. Komplejna nsaħħu u nżidu s-servizzi bħat-Telecare, il-Meals on Wheels, l-CommCare, l-Università tat-tielet età u korsijiet għall-adulti fosthom fl-ICT.
Minn din is-sena qed nagħtu allowance ġdid ta’ €300 lil dawk l-anzjani ta’ 80 sena u aktar li jgħixu fil-komunità. Aktar minn 13,000 anzjan u anzjana qed igawdu minn din l-allowance. B’hekk inkunu qed ngħinuhom finanzjarjament għaliex nafu li aktar ma tikber aktar jikbru l-ispejjeż biex tibqa’ tgħix indipendenti.
Żidna s-servizzi tas-saħħa u bil-kura tas-saħħa li qed tingħata mill-ħaddiema kollha f’dan il-qasam, illum l-età medja tal-Maltin u l-Għawdxin żdiedet. Qed ngħixu aktar fit-tul. Irridu li l-anzjani jgħixu ħajja ta’ kwalità. Din hi l-mira tagħna: kwalità ta’ ħajja tajba għal kulħadd. Ħajja ta’ kwalità tajba għal kull anzjan u anzjana. Irridu li l-anzjani jieħdu gost b’ħajjithom u dan kemm jista’ jkun fl-ambjent li qed jgħixu fih mal-familja tagħhom u fil-komunità.
Il-Gvern jemmen li l-parteċipazzjoni tal-anzjani fis-soċjetà huwa ta’ kapital soċjali u ekonomiku qawwi u ta’ validità kbira. Għalhekk iddeċidejna li persuni li jilħqu l-età tal-irtirar ikunu jistgħu jibqgħu f’impjieg jieħdu paga u pensjoni sħiħa. Aħna rridu li l-anzjani tagħna jibqgħu attivi.
Din is-sena l-Unjoni Ewropea qed tiddedika l-2012 għall-anzjanità attiva u s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet. Dawn huma fil-bażi tal-politika tagħna fil-qasam tal-anzjani.
Aktar mas-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet tkun b’saħħitha, aktar din isservi ta’ ġid għas-soċjetà. Is-servizzi għall-anzjani, tas-saħħa, il-politika soċjali tagħna, l-iskemi biex l-anzjani jirranġaw id-dar fejn joqgħodu, ir-riforma li għamilna fit-trasport pubbliku biex fost l-oħrajn il-karozzi tal-linja jkunu aktar komdi u aċċessibbli għal kulħadd huma kollha bbażati fuq il-prinċipju tas-solidarjetà, li ngħinu lil min l-aktar ikollu bżonn.
B’viżjoni u konvinzjoni, aħna bħala Gvern se nibqgħu nfasslu politika soċjali li żżomm il-mudell tas-solidarjetà u tas-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet bħala l-bażi ta’ kull servizz, għaliex nemmnu li dan il-mudell ta’ sapport itejjeb il-kwalità tal-ħajja ta’ kulħadd.
Hawnhekk, nixtieq nieħu l-okkażjoni li nħeġġeġ lis-soċjetà Maltija sabiex flimkien naħdmu lejn komunitajiet li jaħsbu fl-inklużjoni ta’ persuni anzjani u li jirrikonoxxu l-kontribut ta’ persuni anzjani lejn is-soċjetà. L-anzjani għandhom ħafna x’jagħtuna u aħna għandna x’nagħtuhom ukoll.
L-anzjani jagħtu kontribut qawwi fit-trobbija tat-tfal, fil-volontarjat, fis-suq tax-xogħol, fit-tixrid tal-ħiliet, tal-valuri u tal-għerf minn ġenerazzjoni għal oħra.
Sinjuri,
Il-Gvern jifhem li jasal żmien meta l-anzjani ma jkunux jistgħu jibqgħu jgħixu aktar id-dar tagħhom. Jien u marti Kate esperjenzajna din il-fażi wkoll meta l-ġenituri tagħna kellhom jagħmlu dan il-pass. Nifhmu d-diffikultajiet u l-għafsa ta’ qalb meta naraw lill-anzjani tagħna ma jkunux jistgħu jibqgħu jgħixu fid-dar tagħhom.
F’dawn l-erba’ snin komplejna nżidu aktar postijiet fejn illum hawn aktar minn 2,800 sodda għall-anzjani tagħna fi djar tal-anzjani tal-gvern, postijiet għall-anzjani imħallsa mill-gvern fil-privat u f’San Vinċenz de Paul. Komplejna ninvestu wkoll fil-kura speċjalizzata speċjalment tad-dimentia u anke fis-servizzi ta’ rijabilitazzjoni għall-anzjani.
L-investiment tagħna fl-anzjani hu rikonoxximent tal-ħidma tagħkom tul is-snin – ħidma fuq il-postijiet tax-xogħol u fil-familji tagħkom. Ħidma li biha sawwartu lil pajjiżna.
Nagħlaq billi nirringrazzja lill-Onorevoli Mario Galea, lill-ħaddiema kollha fil-qasam tas-saħħa u l-anzjani, li jagħrfu jimplimentaw il-valuri tas-solidarjetà u l-anzjanità attiva fil-prattika.
Grazzi ħafna.
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017