23 GRUPP TA’ ŻGĦAŻAGĦ IGAWDU MINN €336,581 PERMEZZ TAL-PROGRAMM TAL-UNJONI EWROPEA ‘YOUTH IN ACTION’
Fl-aħħar 5 snin gruppi taż-żgħażagħ ibbenefikaw minn aktar minn €3 miljun f’fondi Ewropej biex għamlu 218 proġett
L-Onor Clyde Puli, Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ u Sport illum ippreżenta l-fondi lil 23 organizzazzjoni li jaħdmu maż-żgħażagħ sabiex jimplimentaw proġetti taħt il-programm tal-Unjoni Ewropea ‘Youth in Action’ (‘Żgħażagħ fl-Azzjoni’) immexxi mill-Aġenzija Programmi tal-Unjoni Ewropea (l-EUPA). Il-valur totali ta’ dawn il-fondi jammonta għal €336,581.
L-Onor Puli qal li dawn il-programmi tal-Unjoni Ewropea qed jagħtu aċċess dirett liż-żgħażagħ għall-fondi tal-UE. Fl-istess waqt dawn il-programmi qed jipprovdu opportunitajiet lil mijiet ta’ żgħażagħ biex jakkwistaw u jiżviluppaw ħiliet ġodda li huma importanti għall-ħajja personali u soċjali u fid-dinja tax-xogħol. Dawn il-ħiliet jinkludu kif tippjana, kif tagħmel baġit, relazzjonijiet pubbliċi, leadership, kif tidħol fi grupp fost l-oħrajn. Huwa qal li l-Youth in Action Programme jagħti opportunità liż-żgħażagħ li jagħmlu skambji li jlaqqgħuhom ma’ persuni, pajjiżi u kulturi differenti minn tagħna kif ukoll jagħti opportunità liż-żgħażagħ li jersqu u jikkomunikaw aktar ma’ ġenerazzjonijiet oħra.
Is-Segretarju Parlamentari qal li dawn il-programmi ta’ edukazzjoni informali jikkuplimentaw bi sħiħ l-investiment li jagħmel il-Gvern fl-edukazzjoni informali b’mod partikolari fl-iskejjel.
Fid-diskors tiegħu s-Segretarju Parlamentari ħeġġeġ aktar għaqdiet u żgħażagħ jinvolvu ruħhom fil-proġetti u jfittxu l-għajnuna biex japplikaw għall-fondi, minn Aġenzija Żgħażagħ, mill-EUPA u mill-MEUSAC.
Matul din l-attività ġiet imnedija wkoll serje ta’ kotba informazzjoni b’dettalji u kriterji ċari u sempliċi relatati mal-programm ‘Youth in Action’ sabiex tħajjar lil iktar żgħażagħ u għaqdiet japplikaw u jagħmlu użu minn dawn il-fondi.
Fl-introduzzjoni tiegħu, is-Sur Robert Debono, Koordinatur Nazzjonali tal-Aġenzija Programmi tal-Unjoni Ewropea, qal li “fix-xhur li ġejjin l-aġenzija ser tkun qed tagħmel kampanja li biha trid tilħaq u tgħin liż-żgħażagħ, organizzazzonijiet u anki ħaddiema fil-qasam taż-żgħażagħ sabiex ikunu jistgħu japplikaw għall-fondi tal-‘Youth in Action’. Minbarra materjal informattiv, l-aġenzija bħalissa qed tagħmel użu wkoll minn mezzi oħra bħar-radju, televiżjoni u internet fost l-oħrajn. Is-sejħa għall-applikazzjonijiet li jmiss dalwaqt magħna u għalhekk qed nagħmlu dan l-appell liż-żgħażagħ kollha sabiex jinfurmaw ruħhom sew u jiġu lura bl-ideat tagħhom għal proġetti. Aħna noffru wkoll servizz ta’ għajnuna u nistgħu nispjegaw kif tapplika għal dawn il-fondi.”
Stqarrijiet Oħra:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017