SA JANNAR LI ĠEJ MISTENNIJA JIFTĦU 21 ĊENTRU IEĦOR TA’ KLABB 3-16
Sa Ottubru li ġej il-Gvern qed jippjana li jiftaħ 10 ċentri oħra ta’ Klabb 3-16 u 9 ċentri oħra sa Jannar li ġej. Dan ħabbritu l-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol Dolores Cristina waqt żjara li għamlet flimkien mas-Segretarju Parlamentari Clyde Puli fi Kalbb 3-16 ta’ Ħal Qormi, li hu l-aħħar wieħed li kien inawgurat.
Klabb 3 -16 beda f’Ottubru ta’ tliet snin ilu bl-iskop li joffri servizz lil studenti fl-età bejn it-tlieta u s-sittax il-sena, wara l-ħinijiet tal-iskola.
Iċ-ċentri ġodda li mistennija jiftħu sa’ Ottubru li ġej se jkunu f’Victoria u fin-Nadur f’Għawdex, il-Mellieħa, ir-Rabat, Ħaż-Żebbuġ, Pembroke, il-Ħamrun, Birżebugia, Ħaż-Żabbar u fiż-Żejtun. Tliet xhur wara hu ppjanat li jinfetħu wkoll ċentri fix-Xagħra (Għawdex), l-Imġarr, is-Siġġiewi, Ħ’Attard, il-belt Valletta, Santa Venera, Ħal Luqa, Bormla, Raħal Ġdid, Tas-Sliema u n-Naxxar.
Dan is-servizz hu maħsub biex jipprovdi opportunità u spazju fejn il-ġenituri jew carers ikunu jistgħu jħallu t-tfal wara l-ħin tal-iskola u fil-vakanzi. Tħejja programm ta’ attivitajiet, li jinkludi l-Home Work u attivitajiet kreattivi fil-ħin li l-istudenti jagħmlu użu minn dan is-servizz.
Ill-Ministru tal-Edukazzjoni fakkret li Klabb 3-16 beda fil-5 ta’ Ottubru 2009 f’Birkirkara, fil-Fgura u fin-Naxxar. Fit-tliet snin li għaddew is-sevizz infirex għal 8 ċentri u magħhom hemm ukoll Klabb Sajf fil-Furjana li jilqa’ fih tfal ta’ ġenituri li jaħdmu fis-servizz pubbliku jew entijiet pubbliċi.
Illum hemm ċentri f’Birkirkara, il-Mosta, il-Fgura, iż-Żurrieq, San Pawl il-Baħar, Marsascala, San Ġwann, Ħal Qormi u l-Furjana. B’kollox illum hemm 1,100 tifel u tifla filwaqt li hemm 160 oħra jattendu Klabb Sajf.
Dan is-servizz hu ħolqa oħra fit-twettieq tal-viżjoni tal-Gvern li jkompli jagħti edukazzjoni tal-ogħla kwalità u li jintroduċi miżuri li jgħinu l-pajjiż jilħaq mira oħra – dik li tiżdied ir-rata tal-parteċipazzjoni tan-nisa fid-dinja tax-xogħol.
Il-Ministru Dolores Cristina qalet li biex aktar nisa jkunu jistgħu jidħlu fid-dinja tax-xogħol il-Gvern, permezz tal-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi qed jipprovdi servizzi ta’ kura għat-tfal, anke wara l-ħin tal-iskola, li tkun ta’ livell għoli affordabbli u allura aċċessibbli għal kulħadd. In-nies li jaħdmu f’dawn iċ-ċentri huma kollha kwalifikati għax il-Gvern mhux lest jagħmel kompromessi mal-livell tal-edukazzjoni tat-tfal.
Il-Programm Klabb 3-16 hu mmirat biex jagħti lill-ġenituri li jixtiequ jidħlu fid-dinja tax-xogħol, flessibbilta akbar u għażla ta’ ambjent edukattiv żgur u stimulanti fejn iħallu lil uliedhom wara l-ħin tal-iskola. Għalhekk il-Ministru Cristina appellat lil dawk il-ġenituri li jixtiequ jaħdmu u għandhom bżonn dan is-servizz biex javviċinaw il-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi.
Dan juri l-impenn tal-Gvern li jinvesti biex jassigura li gruppi li għandhom diffikultà biex jidħlu fis-suq tax-xogħol, mhux għax mhux kapaċi iżda minħabba l-piż tal-familja, ikollhom mod ta’ rikonċiljazzjoni bejn il-ħajja professjonali u dik privata, tal-familja, billi jipprovdi faċilitajiet aċċessibbli għall-indukrar tat-tfal fil-ħin li l-ġenituri jistgħu jkunu qed jaħdmu.
Stqarrijiet Oħra:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017