JINFETAĦ L-EWWEL YOUTH CAFE’ F’MALTA
Il-Youth Cafe tal-Qawra li se jkun immexxi minn Aġenzija Żgħażagħ huwa post fejn iż-żgħażagħ se jingħataw opportunitajiet f’ambjent informali
L-ewwel Youth Cafe’ f’Malta se jkun qed joffri lok ta’ divertiment alternattiv u edukazzjoni informali liż-żgħażagħ tal-Qawra u tal-madwar. Għaldaqstant dan il-Youth Cafe’ se jkun qed jgħin kemm fil-formazzjoni taż-żgħażagħ kif ukoll fin-nisġa ta’ komunità relattivament ġdida. Dan qalu l-Onor Clyde Puli, Segretarju Paralamentari għaż-Żgħażagħ u Sport, waqt l-inawgurazzjoni ta’ dan iċ-ċentru.
Matul iż-żjara tiegħu f’dan iċ-Ċentru l-Onor Puli ltaqa’ ma’ numru ta’ żgħażagħ li kienu qed jesperjenzaw għall-ewwel darba dan il-Youth Cafe’ billi kienu qed jieħdu sehem f’attivitajiet li kienu qed jittellgħu minn Aġenzija Żgħażagħ.
Il-Youth Cafe’ tal-Qawra huwa immexxi minn Aġenzija Żgħażagħ u qiegħed fiċ-Ċentru Aċċess tal-istess lokalità.
L-Onor Puli tenna li dan il-post se jkun qed jitmexxa minn Youth Worker li se jkun maż-żgħażagħ il-ħin kollu waqt il-ftuħ ta’ dan iċ-ċentru. Aktar minn hekk huwa żied li ż-żgħażagħ se jkunu qed jiltaqgħu f’post li joffri servizzi governattivi oħra għaż-żgħażagħ fosthom servizzi ta’ impjieg mill-uffiċini tal-ETC, servizzi ta’ housing u servizzi soċjali oħra anke permezz ta’ servizz ta’ social worker u childcare centre.
Għalhekk, dawn il-Youth Cafes’, flimkien mas-servizz tal-Aċċess se jkunu qed iduru mal-bżonnijiet taż-żgħażagħ u jservu ta’ appoġġ għalihom.
Is-Segretarju Parlamentari spjega kif iż-żgħażagħ li jattendu dan il-Youth Cafe’ se jkunu jistgħu jiddevertu permezz ta’ diversi attivitajiet ta’ gruppi, kif ukoll se jkollhom aċċess għall-kompjuters, wifi internet u librerija li ġew installati fil-post. Huwa saħaq li f’dan il-post iż-żgħażagħ se jiġu introdotti għall-opportunitajiet ta’ edukazzjoni mhux formali li toffri Aġenzija Żgħażagħ permezz tal-programmi ta’ empowerment, programmi li jagħtu liż-żgħażagħ ħiliet li jistgħu jużaw fil-ħajja personali tagħhom kif ukoll fid-dinja tax-xogħol.
Iż-Żgħażagħ li jattendu f’dan il-post se jkollhom l-opportunità wkoll li jiffurmaw gruppi mhux formali fejn ikunu jistgħu ivaraw proġetti u jaċċessaw fondi mill-Gvern u mill-Unjoni Ewropea biex iwettquhom.
Is-Segretarju Parlamentari tenna li dan il-Youth Cafe’ huwa ħolqa oħra fil-ħidma tal-Gvern biex jappoġġja liż-żgħażagħ biex jegħlbu l-isfidi u jaħtfu l-opportunitajiet.
Puli qal li dan iċ-ċentru mhux se jkun l-unika wieħed ta’ dan ix-xorta u ħabbar li fil-ġimgħat li ġejjin il-Gvern permezz ta’ Aġenżija Żgħażagħ se jkun qed jiftaħ Youth Café ieħor fl-Imsida, filwaqt li beda x-xogħol biex jinfetħu oħrajn f’lokalitajiet oħra.
Jakkumpanjaw lis-Segretarju Parlametari waqt din iż-żjara kien hemm il-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Ġustizzja, Djalogu u Familja, Frans Borg u l-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Żgħażagħ Miriam Teuma.
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017