Left arrow Mur Lura

WALK IN SERVICE: SERVIZZ IEĦOR BIEX AKTAR STUDENTI JIRNEXXU

pr1587
Date Icon 18/07/2012

Bħalissa l-10 Kulleġġi li jiġbru fihom l-iskejjel primarji u sekondarji tal-Istat huma miftuħa għall-istudenti tal-Form 5 permezz tal-‘Walk In Service’ li fih jingħataw gwida dwar kif jistgħu ikomplu l-istudji tagħhom fil-livell post-sekondarju, issa li jkunu spiċċaw il-Form 5. Dan is-servizz jiġi offrut mill-College Career Advisors u Trainee Career Advisors u ilu jingħata mis-sajf tal-2010.  

Is-servizz tal-Career Advisors qed jerġa’ jkun estiż anke matul is-Sajf biex dawn il-professjonisti jgħinu lill-istudenti li spiċċaw il-ħames sena tal-iskola sekondarja ifasslu pjan ta’ x’jistgħu jagħmlu wara s-sekondarja. Is-servizz huwa b’mod volontarju u l-istudenti jistgħu jaqbdu u jmorru fil-Kulleġġ tagħhom fin-nofs ta’ nhar ta’ fil-għodu jew jagħmlu appuntament biex jitkellmu mal-Career Advisors ras imb’ras.

Il-ħsieb wara dan is-servizz hu li l-istudent jingħata stampa ċara tal-opportunitajiet kollha li jista’ jkollu quddiemu, jingħata informazzjoni dwar xogħlijiet f’setturi differenti u fejn ikun hemm bżonn jitfassal pjan li jwassal lill-istudent/a għal livell ogħla ta’ Edukazzjoni. Il-Career Advisors jenfasizzaw fuq il-fatt li l-istudenti jagħmlu deċiżjoni nfurmata rigward il-karriera tagħhom u mhux jagħżlu mingħajr ma jkunu kkunsidraw l-affarijiet relatati mad-deċiżjoni li ser jagħmlu.

L-Għażliet wara s-Sekondarja

L-informazzjoni li tingħata lil dawn l-istudenti hija wiesa’ u tinkludi l-għażliet kollha possibli skont il-ħtiġijiet tal-istudenti.

Min m’għamilx l-eżamijiet tas-SEC jew ma ġabx ir-riżultati tal-O’levels, xorta waħda jista’ jkompli l-istudji u anke jispeċjalizza f’oqsma li jinteressah/a. Fil-fatt l-MCAST u l-ITS joffru programmi vokazzjonali biex jattiraw lil dawn l-istudenti.  L-iskop aħħari hu li anke dawn l-istudenti jingħataw opportunitajiet biex huma wkoll ikunu jistgħu jibnu futur aħjar.

Min m’għandux O’levels jew ġab riżultati ta’ grad 6 jew 7 jista’ jattendi korsijiet fil-livell ta’ Foundation fl-MCAST.  Hemm kors fl-ewwel livell fejn jingħata sapport addizzjonali biex igħinu aktar lill-istudenti iħejju ruħhom għal studji vokazzjonali. Il-korsijiet huma mifruxa f’9 istituti tal-MCAST (AgriKummerċ, Xjenza Applikata, Arti u Disinn, Inġinerija tal-Bini u l-Kostruzzjoni, Negozju u Kummerċ, Servizzi fil-Komunita’, Inġinerija Elettroika u Elettronika, Teknoloġija tal-Informatika u Komunikazzjoni, Inġinerija Mekkanika) u l-iskop hu li l-istudenti jitgħallmu ħiliet bażiċi fil-Malti, Ingliż u Matematika permezz ta’ suġġetti vokazzjonali.

Eżempju, jekk student jattendi kors fl-Arti,  jkun hemm l-għalliema tal-Malti u tagħti lezzjoni b’mod applikat waqt l-eżerċizzju tal-Arti; eżempju ieħor hu kif l-istudenti jistgħu jitgħallmu l-Matematika b’mod applikat waqt lezzjonijiet tal-Kors tal-Bini u l-Kostruzzjoni fejn per eżempju jkunu qed iħalltu l-materjal.

Hemm ukoll Foundation Kors fl-MCAST offrut fit-tieni livell tal-MQF. Dan il-kors huwa wkoll offurut minn 9 Istituti tal-MCAST. L-MCAST joffri wkoll il-kors Pathway li jagħti opportunita’ lil studenti vulnerabbli biex jitħarrġu fi programm skont il-bżonnijiet tagħhom u jgħinhom jiksbu ħiliet biex ikunu aktar impjegabbli.

Min m’għandux O’levels jista’ wkoll jattendi kors fl-ITS permezz tal-ESTS Apprenticeship Scheme. Dan huwa kors ta’ sentejn fejn hemm taħlita ta’ lezzjonijiet u esperjenza fuq ix-xogħol fl-industrija tat-turiżmu. L-istudenti jkun iridu juru ċ-ċertifikat li ħarġu mis-Sekondarja.  L-ITS toffri wkoll kors għal studenti b’diżabilita’ intelletwali li m’għandhomx kwalifiki tas-SEC biex ikomplu jistudjaw fil-qasam tal-ospitalita’ fil-livell 1 tal-MQF.

L-istudenti jingħataw ukoll informazzjoni fuq programmi addattati għalihom fosthom il-Programm Youth.Inc fi ħdan il-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi. Dan il-programm hu mmirat għal dawk iż-żgħażagħ li temmew l-iskola sekondarja biex jgħinhom fl-iżvilupp personali tagħhom, biex javvanzaw b’mod akkademiku f’xi suġġetti li għal xi raġuni jkunu waqgħu lura fihom l-iskola u biex itejbu l-ħiliet tagħhom sabiex isibu mpjieg.

L-ITS toffri wkoll Foundation kors u jistgħu jidħlu għalih dawk li għandhom minn tal-inqas O’level wieħed bi grad 7 jew aħjar. Dan il-kors jispeċjalizza fuq tagħlim fil-qasam tal-ospilita’ bħal ‘food and beverage’, ‘food service’ u ‘housekeeping’.

L-ITS toffri taħriġ u jingħata ċertifikat għal min jattendi korsijiet fil-livell tlieta tal-MQF. Jistgħu jidħlu għal dawn il-korsijiet min għandu żewġ O’levels bi grad 5 jew aħjar jew min għandu 4 O’levels bi grad 7 jew aħjar. Hemm korsijiet fuq ‘Hospitality Trends’ u ‘Food Preperation and Production’.

Min għandu żewġ O’levels bi grad 5 jew aħjar jista’ wkoll jattendi  korsijiet fl-MCAST u l-Higher Secondary fin-Naxxar. L-MCAST joffri korsijiet varji fl-10 istituti tiegħu fil-livell ta’ First Diploma. Il-Higher Secondary toffri kors ta’ sena fejn issir reviżjoni ta’ massimu ta’ 5 suġġetti fil-livell Ordinarju. Jekk minn dawn il-ħames suġġetti jintagħżlu l-Malti, l-Ingliż jew il-Matematika, jsir test ta’ profiċjenza biex fejn hemm bżonn tingħata għajnuna addizzjonali.  Tajjeb li nsemmu liż-żewġ O‘levels jinkludu wkoll l-eżami  tal-ECDL (7 modules) u eżamijiet tal-Mużika bi grad 4 u 5.

Min għandu 4 O’levels bi grad 5 jew aħjar għandu wkoll għażliet varji ta’ korsijiet offruti mill-MCAST, ITS u Higher Secondary. Tal-aħħar toffri kors ta’ sentejn fejn l-istudenti jistgħu jagħżlu li jistudjaw minn tal-inqas 3 suġġetti sa massimu ta’ 4 suġġetti u s-suġġetti jistgħu jkunu taħlita fil-livell Ordinarju, Intermedjarju jew livell Avvanzat.  L-ITS toffri wkoll kors ta’ Diploma f’Hotel Operations għal dawk l-istudenti li għandhom erba’ O’levels bi grad 5 jew aħjar jew sitt O’levels bi grad 7 jew aħjar.  L-MCAST għandu wkoll korsjiet minn istituti differenti għal dawk li jkollhom 4 O’levels bi grad 5 jew aħjar fil-livell 4 tal-MQF li hu ekwivalenti għal-livell post sekondarju.

Min għandu ħames O’levels bi grad 5 jew aħjar jista’ jibda l-kors tal-Matrikola li jwassal għall-Universita’ billi jattendi l-Higher Secondary. Matul l-ewwel sena, dawk l-istudenti li jagħżlu dan il-kors ikunu jistgħu jagħmlu dak l-O’level li baqalhom biex ikollhom il-kwalifiki neċessarji għal Matrikola. 

Dawk li jkollhom sitt O’levels bi grad 5 jew aħjar jew aktar jistgħu jagħmlu l-kors tal-Matrikola offrut mill-iskejjel post sekondarji fosthom il-Higher Secondary, il-Junior College, St Aloysius, St Edwards, De La Salle u St Martin’s College.

L-għażliet għall-istudenti li jispiċċaw il-ħames sena tas-Sekondarja huma varji u l-istituzzjonijiet edukattivi li ħoloq u saħħaħ il-Gvern f’dawn l-aħħar snin qed juru l-frott għaliex qed joffru għażla wiesa ta’ korsijiet għal kullħadd.  Aktar studenti qed ikomplu jistudjaw u jitħarrġu tant li issa r-rata ta’ parteċipazzjoni ta’ studenti ta’ 17-il sena telgħet għal 82%.

Dawk li m’għandhomx kwalifiki issa jistgħu jattendu korsijiet differenti biex iġibu dak li forsi ma rnexxilhomx fis-sekondarja u fl-istess ħin jingħataw l-opportunita’ li jkomplu jistudjaw. Studenti li jġibu marki baxxi jew ma jirnexxilhomx jagħmlu numru ta’ O’levels ukoll jistgħu ikomplu jistudjaw u javvanzaw.

Flimkien mas-servizzi li qed noffru fil-kulleġġi tagħna qegħdin noħolqu ambjent aktar inklussiv permezz ta’ sistema edukattiva li tilħaq il-ħtiġijiet ta’ kulħadd.  L-investiment fl-edukazzjoni qed isarraf f’aktar opportunitajiet indaqs u inizjattivi biex kemm jista’ jkun ma nħallu lil ħadd barra mis-sistema edukattiva f’kull livell.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Tittella’ konferenza nazzjonali li tqajjem aktar għarfien u azzjoni kontra l-vjolenza domestika

PR262018

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

Aktar Stqarrijiet Right arrow