TLIET ENTITAJIET JINGĦATAW FONDI BIL-GĦAN LI JITKATTAR IS-SETTUR TAL-ARTIĠJANAT
F’ċerimonja qasira li saret kmieni dalgħodu ġewwa d-Dar tal-Providenza, il-Ministru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u l-Konsumatur Jason Azzopardi qassam 3 ċekkijiet lil tliet għaqdiet differenti. L-iskop wara dan il-proġett huwa sabiex aktar nies jitrawwmu f’dan is-settur li tant huwa importanti għaliex jixhed l-identità ta’ pajjiżna.
Il-Ministru Azzopardi saħaq li wieħed mill-għanijiet tal-Ministeru li huwa responsabbli minnu hu, huwa propju li jgħin u jippromwovi s-settur tal-artiġjanat Malti u Għawdxi.
Fil-fatt huwa spjega li fil-budget tad-dan l-aħħar tliet snin, id-Dipartiment tal-Kummerċ fi ħdan il-Ministeru ġie allokat vot iddedikat għal dan il-għan u fost l-attivitajiet li jiġu organizzati u l-inizjattivi li jittieħdu, ġie deċiż li tingħata għajnuna lill-entitiajiet li b’xi mod jew ieħor ix-xogħol tagħhom jinvolvi għajnuna lil ħaddieħor biex jaħdem prodotti tal-artiġjanat. Fl-aħħar budget, il-Gvern alloka €145,000 għal dan is-settur li bihom jiġu organizzati diversi attiviatjiet sabiex jippromwovu dan is-settur. Għal dan il-proġett, ġew identifikati l-Aġenzija Sapport li ngħatat s-somma ta’ €1788, Fondazzjoni Nazzaret li rċeviet is-somma ta’ €1275 u d-Dar tal-Providenza li ngħatat l-ammont ta’ €2146.
Is-Sur Godwin Warr, Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tal-Kummerċ, spjega li l-Fondazzjoni Nazzaret u d-Dar tal-Providenza qed jiġu megħjuna finanzjarjament jixtru materjal li jkollhom bżonn biex jaħdmu l-artiġjanat filwaqt li l-Aġenzija Sapport qed tiġi pprovduta diversi programmi bil-għan li jsiru fid-day centre tagħha sabiex ir-residenti jintegraw aktar fil-kommunità tagħhom. Fost il-prodotti tal-artiġjanat li jagħmlu dawn il-persuni, wieħed isib xogħol ta’ fuħħar, kartolini għal diversi okkażjonijiet, xogħol ta’ tessuti, pupi, tpinġija fuq il-ħġieġ u ganutell. Fondazzjoni Nazzaret jagħmlu xogħol fil-workshop tagħhom ta’ ikoni tal-injam, soft toys bin-knitting, ganutell, souvenirs tal-preċett u okkażjonijiet oħra u fjuri tal-karti tat-tiġijiet fost l-oħrajn.
Il-Ministru Azzopardi ħabbar ukoll li ġie deċiż li fil-ġejjieni se tiżdied kategorija speċifika għall-entitajiet simili li jippromovu l-artiġjanat b’dan il-mod, fil-Premjazzjoni ta’ Ġieħ l-Artiġjanat.
Intant, fiż-żjara ta’ dalgħodu, il-Ministru Azzopardi żar ukoll is-serra ġewwa d-Dar tal-Providenza li fiha r-residenti jkunu qed jaħdmu billi jkabbru u jipproċessaw prodotti agrikoli fosthom ħwawar, ġammijiet u ikel ippriservat bħal brunġiel, basal tal-pikles u faqqiegħ. Il-Ministru saħaq li permezz ta’ dawn il-fondi li qed jingħataw lil dawn l-entitajiet, ir-residenti qed ikollhom l-opportunità li jitgħallmu iktar dwar is-settur tal-artiġjanat. Qal ukoll li l-dawn l-attivitajiet jgħin lir-residenti sabiex ikunu aktar indipendenti u jaħdmu fi grupp minflok b’mod individwali.
Intant dalgħodu wkoll ġiet mnedija l-website l-ġdida tad-Dipartiment tal-Kummerċ. Dan il-portal huwa inizjattiva oħra li l-Gvern qed jieħu favur l-Artiġjanat Malti. Il-portal joffri numru ta’ opportunitajiet għall-artiġjani Maltin u Għawdxin. Dawn jinkludu informazzjoni aġġornata dwar attivitajiet organizzati favur l-Artiġjanat mid-Dipartiment tal-Kummerċ u entitajiet oħra, arkivju dwar pubblikazzjonijiet dwar l-Artiġjanat kif ukoll lista’ ta’ pubblikazzjonijiet dwar l-Artiġjanat Malti li jinsabu fil-Librerija tad-Dipartiment tal-Kummerċ.
Il-Ministru Azzopardi saħaq li l-aktar sezzjoni importanti ta’ din il-website huwa d-direttorju virtwali tal-artiġjani, fejn wieħed jista’ jfittex Artiġjan partikolari jew settur artiġjanali. Kull artiġjan reġistrat għandu paġna żgħira bid-dettalji tal-kuntatt tiegħu u numru ta’ ritratti tax-xogħol artiġjanali tiegħu (jew tagħha). Madwar mitt artiġjan diġà kkonfermaw il-parteċipazzjoni tagħhom fil-portal u dettalji ta’ kuntatt tagħhom.
Is-Sur Godwin Warr spjega li biex artiġjan ikun jista’ jipparteċipa fil-portal u jista’ juri x-xogħol tiegħu, dan għandu jikkuntattja lid-dipartiment tal-Kummerċ fuq email maltacrafts@gov.mt jew iċempel fuq numri tat-telephone 25690310 jew 25690332. L-artiġjana jistgħu jirreġistraw mingħajr ħlas.
Il-Ministru Azzopardi saħaq li dan il-portal se jkun vitali sabiex jipporomwovi l-artiġjani nfushom. Huwa qal li aktar ma jkun hemm artiġjani jidhru fil-portal, aktar ikun ta’ vantaġġ kemm għall-istess artiġjani kif ukoll għall-Maltin u barranin li jżuru l-website minn żmien għal żmien. Wieħed jista’ jaċċessa din il-website www.maltacrafts.gov.mt.
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017