Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU TAL-FINANZI, EKONOMIJA U INVESTIMENT

pr1577
Date Icon 16/07/2012

L-Oppożizzjoni trewwaħ l-inċertezza għad-dannu tal-familji Maltin u Għawdxin fl-istess waqt li istituzzjonijiet internazzjonali jiddeskrivu l-ekonomija Maltija bħala waħda ta’ suċċess

L-Oppożizzjoni trewwaħ l-inċertezza għad-dannu tal-familji Maltin u Għawdxin – dan joħroġ mill-Konferenza tal-Aħbarijiet tal-lum mill-Membru Parlamentari Laburista Edward Scicluna li wissa’ li qed jipprevedi problemi ekonomiċi għall-pajjiżna. Messaġġ bħal dan jaqta’ qalb l-investitur u jnaffar l-investiment u l-ħolqien ta’ postijiet tax-xogħol. Dan hu aġir insensittiv u prova li għall-Oppożizzjoni l-poter jiġi qabel il-familji.

Fl-istess waqt, għandu jkun innutat li l-inkompetenza ekonomika tal-Oppożizzjoni toħroġ mill-analiżi superfiċjali li jagħmel Edward Scicuna tat-tkabbir ekonomiku f’pajjiżna. Huwa jassumi li l-iżbilanċ finanzjarju se jiżdied għaliex fl-ewwel kwart Malta rreġistrat tnaqqis marġinali fit-tkabbir ekonomiku. Madankollu, huwa naqas milli josserva fattur importanti – li kif diġà spjegat, dan ir-riżultat statistiku huwa primarjament dovut għad-deċiżjoni tal-Gvern li jassorbi ż-żidiet fit-tariffi u t-tnaqqis fl-esportazzjoni minn kumpanija ewlenija. Għall-kuntrarju, il-maġġoranza assoluta tas-setturi ekonomiċi qed juru tkabbir, l-investiment, l-esportazzjoni u l-pagi żdiedu. Dan huwa rifless fil-fatt li d-dħul tal-Gvern baqa’ konsistenti mal-miri tal-Gvern. Għaldaqstant, il-konklużjoni ta’ Scicluna li dan se jwassal għal twessigħ fl-iżbilanċ hija żbaljata u mibnija fuq premessa żbaljata.

Scicluna jinjora konvenjentement li d-differenza fid-defiċit fl-ewwel kwart tas-sena hija dovuta wkoll għad-deċiżjoni tal-Gvern li jassorbi ż-żidiet fil-prezz internazzjonali taż-żejt biex ma jogħlewx it-tariffi gġal familji, negozji u l-industrija Maltija, kif ukoll biex tingħata l-għajnuna lill-Air Malta, bl-għan li jingħata futur vijabbli lill-kumpanija. Rapport wara l-ieħor tal-Kummissjoni Ewropea u l-Fond Monetarju Internazzjonali ddeskrivew b’mod pożittiv it-tisħiħ fil-finanzi ta’ pajjiżna.

Huwa interessanti li wieħed jinnota li filwaqt li l-Oppożizzjoni tibqa’ tipprova taqta’ l-qlub l-investituri u u l-ħaddiema, u  Dott Muscat jgħid li Malta hija l-aktar pajjiż li sejjer ħażin wara l-Greċja, fl-istess waqt  f’dawn il-jiem toħroġ istituzzjoni bħall-International Labour Organisation li tiddeskrivi lil Malta bħala ‘a successfully performing country’ u tgħid l-Ġermanja u Malta huma l-uniċi pajjiżi fejn il-qgħad huwa inqas mill-2008. 

Dwar ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni, il-Gvern jerġa’ jiċċara li l-pożizzjoni tal-Gvern baqgħat ċara u konsistenti mis-sena li għaddiet. Wieħed jistaqsi x’ried ifisser Edward Scicluna meta sostna li kieku l-Gvern wettaq ir-riforma fil-pensjonijiet, kieku s-sitwazzjoni kienet tiġi evitata.

Il-priorità tal-Gvern tibqa’ t-tisħiħ tal-qagħda ekonomika u finanzjarja ta’ pajjiżna fid-dawl tal-isfidi kbar li hemm madwarna, biex tibqa’ tinħoloq aktar attività ekonomika li tittraduċi ruħha f’aktar jobs għal ħaddiema Maltin u Għawdxin.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Tittella’ konferenza nazzjonali li tqajjem aktar għarfien u azzjoni kontra l-vjolenza domestika

PR262018

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

More Press Releases Right arrow