FL-2011 JINGĦATAW 1,200 PROĊEDURA ĠEWWA IL-PAIN CLINIC TA’ L-ISPTAR MATER DEI
Waqt konferenza tal-aħbarijiet fl-iSptar Mater Dei, il-Ministru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità, l-Onor. Joe Cassar, semma l-importanza tal-pain clinic ġewwa l-isptar Mater Dei fejn persuni li jkunu jbatu min uġigħ kroniku jistaw hawnhekk jiġu megħjuna anki b’mod psikoloġiku, u b’tant dedikazzjoni u effiċjenza.
Fl-2011, saru madwar 1,200 proċedura u għalhekk din il-klinika qed tkompli tibni reputazzjoni għolja fost il-poplu Malti.
Il-Ministru Joe Cassar qal li kemm ilu li nfetaħ l-iSptar Mater Dei professjonisti li jagħmlu xogħol fi sptarijiet Ewropej, qed jinġiebu Malta – visiting consultant – bl-iskop li minflok li jsiefer il-pazjent, jinġieb il-professjonist ġo pajjiżna. L-esperjenza ta’ Dr Charles Gauci – visiting consultant Malti li ta’ kull sena jiġi Malta biex jgħin mhux biss fl-interventi speċifiċi ġewwa il-pain clinic imma ukoll biex jagħti taħriġ lit-tim mediku ta’ anesteżija tal-iSptar Mater Dei b’teknoloġiji u żviluppi ġodda f’dan il-rigward.
Fi preżentazzjoni għall-ġurnalisti, Dr Marilyn Casha, Tabiba fid-Dipartiment ta’ l-Anesteżija, ġewwa il-pain clinic fl-iSptar Mater Dei semmiet kif l-uġigħ fid-dahar u fl-għonq huma l-iktar komuni fost il-poplu Malti. Hi spejgat f’dettal kif issiru l-interventi ġewwa din il-klinika u qalet li normalment pazjent li jagħmel l-intervent ġewwa il-pain clinic jkun jista’ jmur id-dar dak in-nhar stess li jsir l-intervent. L-iżviluppi f’din il-klinika ma jonqsux u għalhekk is-sena d-dieħla se jsiru għadd ta’ workshops b’kollaborazzjoni mal-Università ta’ Malta fejn numru ta’ professjonisti minn barra minn Malta ħa jiġu ġewwa f’pajjiżna biex jingħataw taħriġ fuq dan is-settur.
Visiting Consultant Dr Charles Gauci temm jgħid li huwa dejjem unur li jiġi jagħmel l-interventi tiegħu fl-iSptar Mater Dei mhux biss għax hu Malti imma wkoll għax fl-iSptar Mater Dei professjonist jista’ jsib dak jkollu meħtieg b’apparat tal-għola livell.
Is-Sinjur Pinu Mangion irrakkonta kemm kien muġugħ qabel ma sar l-intervent ġewwa il-pain clinic tal-iSptar Mater Dei u kif illum kien ħa jerġa’ jafda f’idejn il-professjonisti Dr Marilyn Casha u Dr Charles Gauci biex isirlu intervent ieħor wara li sofra minn kundizzjoni f’dan l-aħħar xhur.
Il-Ministru Joe Cassar irringrazzja lill-professjonisti kollha li jagħtu sehem tagħhom f’din il-klinika u qal wkoll li il-pazjenti kollha li għamlu użu minn din il-klinika japprezzaw ferm il-ħidma ta’ dawn il-professjonisti.
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017