Left arrow Mur Lura

DISKORS MILL-ONOR. JOE CASSAR, MINISTRU GĦAS-SAĦĦA, L-ANZJANI U KURA FIL-KOMUNITÀ WAQT L-OKKAŻJONI TAL-PREMJU ĦADDIEM TAS-SENA TAL-ISPTAR MONTE CARMELI, L-ISPTAR MONTE CARMELI, ATTARD – IL-ĠIMGĦA, 13 TA’ LULJU, 2012

pr1561
Date Icon 14/07/2012

Onorevoli Segretraju Parlamentari,

Kollegi,

Meta nitkellmu dwar is-saħħa ħafna drabi inkunu qed nirreferu għas-saħħa fiżika.  Anke meta niltaqgħu ma xi ħadd, inħobbu insaqsu “Kif int ?”

Ftit li xejn inkunu qed nirreferu għas-saħħa mentali. Bħal donnu li s-saħħa mentali mhix problema tagħna.  Fil-fatt, kif tafu sew intom, is-saħħa mentali hi s-saħħa tagħna.

Biss, naħseb taqblu miegħi, li dan il-punt mhux kulħadd japprezzaħ.

Illum il-ġurnata, aħna, kemm bħala professjonisti imma wkoll bħala poplu, sirna nafu aktar dwar is-saħħa mentali.  Niftakar meta kont għadni student, kont inħares lejn is-saħħa mentali b’faxxinu.  Il-misteri li għadhom, anke sal-lum idawru il-moħħ tal-bniedem, ħajruni biex nidħol għall-karriera f’dan is-settur.

Iżda bla dubju, il-fatt li tkun qiegħed tgħin bniedem fl-aktar mument delikat ta’ ħajtu, iħeġġek aktar biex kuljum, kull mument u f’kull okkażjoni tagħti l-aħjar. 

Dan l-obbligu mhux validu biss għall-professjonisti, imma wkoll għalina bħala persuni ċivili li ngħixu f’soċjetà. Għandna nindunaw li xi drabi kelma żejda taf tissarraf f’ħafna tbatija.

Aħna lkoll għandna nħossu l-obbligu li nikkontribwixxu għal saħħa mentali aħjar.  Nista’ ngħid mill-esperjenza personali tiegħi bħala psikjatra – li int min int, tista’ tagħmel differenza kbira fil-kwalità ta’ ħajja li jgħixu ta’ madwarek.  Xi tkun din id-differenza hija għażla tiegħek.  Bi kliemek, bil-mod kif iġġib ruħek, tista’ tgħin persuna anke bla ma tkun taf.  Iżda kull tant, bla ma tkun taf ukoll, tista’ tkisser persuna.

Din hi r-realtà. 

Illum il-kura issaħħet.  Huwa bizzejjed li wieħed jittawwal sal-Mużew ta’ dan l-Isptar biex jirrealiżża kemm imxejna ’l quddiem fil-mod li bih tingħata l-kura.

Pero, l-avvanz ’il quddiem ma jridx isir biss minn dan il-lat.  L-avvanz irridu nagħmluh aħna lkoll.   Dan ifisser ukoll li nitgħallmu, u ngħallmu lit-tfal tagħna dik l-edukazzjoni li ma ssibix fil-kotba, jew l-iskola.  L-edukazzjoni tal-Umanità ... xi tfisser li tirrispetta lill ħaddiehor u fuq kollox tgħin permezz tal-agir tiegħek.

U hawn indur fuqkhom. 

Grazzi.  Grazzi tax-xogħol li tagħmlu f’dan l-Isptar u fil-komunità.

Naf li mhix facli.  Nifhem li tirrikjedi ħafna dedikazzjoni.

Ix-xoghol taghkhom jirrikjedi wkoll ammont kbir ta’ team work.  Din ukoll iġġib magħha sfidi professjonali.  Mhix facli li taħdem ma’ grupp ta’ nies. Pero dan iġib miegħu opportunatjiet kbar li minnhom tista’ tgawdi il-persuna li f’mument tant fraġli qed tistenna l-għajnuna tiegħek.

F’dak il-mument, f’għajnejn il-pazjent u f’dawk tal-familjari tiegħu, int mhux infermier jew tabib, imma f’dak il-ħin int tkun tama.

Jien se nagħalaq hawn b’appell dirett lejn il-professjonisti u ħaddiema kollha. 

Tħalli xejn itellfek milli tibqa’ tkun it-tama tal-pazjent. Hemm bzonn li niftakru f’din it-tama kontinwament ... il-ħin kollu. 

Din sfida iebsa li forsi min ma jahdimx f’dan il-qasam ta’ japprezzax bizzejjed.

Izda intom tafu li din sfida iebsa.  Għax meta tneħħi l-uniformi, meta tmur id-dar u anke meta tkun il-bogħod mix-xogħol, int taf li hemm xi ħadd li qiegħed jistenna ħerqan dak il-mument li int terġa’ tmur tkellmu. U bir-raġun ... għax it-tama ittik is-saħħa u s-saħħa hi l-aktar ħaġa għażiża li għandna.

Grazzi.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Tittella’ konferenza nazzjonali li tqajjem aktar għarfien u azzjoni kontra l-vjolenza domestika

PR262018

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

Aktar Stqarrijiet Right arrow