DISKORS MILL-ONOR LAWRENCE GONZI, PRIM MINSTRU, FL-OKKAŻJONI TAL-GĦOTI TA’ MIDALJI U ĊERTIFIKATI TA’ MERTU LILL-MEMBRI TAL-KORP TAL-PULIZIJA, KWARTIERI ĠENERALI TAL-PULIZIJA, IL-FURJANA – IL-ĦAMIS, 12 TA’ LULJU 2012
Kummissarju,
Uffiċjali Għolja tal-Korp,
Sinjuri,
Inħossni onorat li, għall-ewwel darba llum, qiegħed hawn fostkom, f’Jum il-Pulizija, sabiex nassisti fl-għoti ta’ dawn il-midalji, clasps u ċertifikati ta’ mertu u tifkiriet lil numru ta’ eks-uffiċjali li rtiraw wara li taw is-servizz tagħhom fil-Korp għal 25 sena jew aktar.
L-għoti ta’ Midalja għal Servizz Twil u Effiċjenti ġie introdott lill-membri tal-korpi dixxiplinati 22 sena ilu. Din iċ-ċerimonja tal-lum tipprovdilna opportunità sabiex aħna nuru l-apprezzament u l-gratitudni tagħna lejn dawn l-uffiċjali għad-dedikazzjoni u impenn tagħhom fil-qadi ta’ dmirijiethom matul is-snin, kif ukoll għas-servizz impekkabbli li tipprovdu lis-soċjetà tagħna. Intom illum qed tirrappreżentaw lill-membri sħabkom.
Mingħajr ebda dubju, kuljum, kull wieħed u waħda minna, jistrieħ fuq il-professjonalità, it-taħriġ u l-esperjenza tagħkom li qegħdin hemm mhux biss biex tipproteġuna, iżda wkoll biex tiddefendu l-istil ta’ ħajja demokratika tagħna u d-dritt tal-liġi. Intom toffru serħan il-moħħ liċ-ċittadini tagħna.
L-isfidi tal-membri tal-Korp huma kbar. Dan il-għaliex intom tridu tkunu fuq quddiem nett biex tiġġieldu l-kriminalità li minn ħin għall-ieħor tażżarda terfa’ rasha. Meta jiġri hekk, l-istess membri tal-Korp, bl-awtorità u l-poteri li tagħtihom il-liġi u bi professjonalità kbira u anke, xi drabi, b’sogru kbir għal ħajjithom, jirnexxilkom trażżnu l-periklu għal ħaddieħor.
Il-ħidma tagħkom għandha impatt fuq l-iżvilupp ekonomiku ta’ pajjiżna. Minnkom ukoll jiddependi jekk pajjiżna hux kapaċi jiġbed investiment barrani u impjiegi. Investituri barranin ifittxu li jinvestu f’pajjiż li jkun safe, fejn ikun hemm is-serħan tal-moħħ, fejn ikun hemm sigurtà u fejn ikun hemm rata ta’ kriminalità baxxa. L-istess jgħodd għat-turiżmu. It-turisti jagħżlu lil pajjiżna anki minħabba l-kwalità tal-ħajja u s-sigurtà li għandna.
Din is-sena l-Korp tal-Pulizija qed jiċċelebra l-198 anniversarju mit-twaqqif tiegħu. Intom u membri oħra tal-Korp qabilkom tajtu protezzjoni lill-ġenerazzjonijiet sħaħ.
Il-Korp tal-Pulizija għandu storja pożittiva. It-tebgħat, li sfortunatament għamlu ħsara lill-Korp, huma ftit. U meta kien hemm dawn it-tebgħat il-Gvern ħadem biex terġa’ tintrebaħ lura l-kredibbiltà.
Tul is-snin sar tibdil radikali fil-Korp tal-Pulizija. Tibdil marbut mal-liġi, proċedura u r-regolamentazzjoni interna tagħkom. Bl-impenn qawwi u d-dedikazzjoni tagħkom, intom ittrasformajtu dak li kien miktub fuq karta b’ħidma aktar effettiva, effiċjenti u moderna kif jixraq lill-pubbliku.
Il-Gvern irid l-aħjar għall-membri tal-Korp tal-Pulizija. Irridu flimkien inħarsu ‘l quddiem. Ninsabu sentejn ‘il bogħod mit-tieni ċentinarju tal-Korp tal-Pulizija. Hi okkażjoni biex inħarsu fil-fond u naraw x’tibdil hemm bżonn fil-Korp tal-Pulizija, biex inġeddu l-viżjoni tagħna għall-Korp tal-Pulizija, biex pajjiżna jkun dejjem aktar ippreparat biex jiġġieled il-kriminalità li kull ma jmur qed issir aktar sofistikata, biex insaħħu r-rabta bejn il-membri tal-Korp u l-pubbliku, biex nipproteġu aktar lil min hu vulnerabbli u biex ix-xogħol ta’ kull wieħed u waħda minnkom jagħtikom sodisfazzjon akbar. Għalhekk il-Gvern se jwaqqaf Kumitat b’termini ta’ referenzi ċari bil-għan speċifiku li nħarsu ‘l quddiem.
Sinjuri,
Intenni r-ringrazzjament tiegħi lejn il-membri tal-Korp tal-Pulizija. Fl-istess waqt insellem u nirringrazzja lill-familji tagħkom, lin-nisa u l-irġiel tagħkom, lil uliedkom li jagħmlu tant sagrifiċċji biex intom tibqgħu għaddejjin bil-ħidma tagħkom. M’għandix l-iċken dubju illi s-sostenn kontinwu min-naħa tagħhom jgħin lilkom fil-qadi ta’ dmirijietkom.
Għaldaqstant, din l-okkażjoni għandha sservi ta’ rikonoxximent lilkom ukoll.
Nista’ nassigurakom illi s-servizz li intom qed tipprovdu lejn il-pajjiż u s-soċjetà tagħna huwa ferm apprezzat. Ta’ dan kollu grazzi lilkom miġbura hawn u lill-membri kollha tal-Korp tal-Pulizija.
Grazzi.
Stqarrijiet Oħra:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017