Left arrow Go Back

DISKORS MILL-ONOR LAWRENCE GONZI, PRIM MINSTRU, FL-OKKAŻJONI TAL-GĦOTI TA’ MIDALJI U ĊERTIFIKATI TA’ MERTU LILL-MEMBRI TAL-KORP TAL-PULIZIJA, KWARTIERI ĠENERALI TAL-PULIZIJA, IL-FURJANA – IL-ĦAMIS, 12 TA’ LULJU 2012

pr1553
Date Icon 12/07/2012

Kummissarju,

Uffiċjali Għolja tal-Korp,

Sinjuri,

Inħossni onorat li, għall-ewwel darba llum, qiegħed hawn fostkom, f’Jum il-Pulizija, sabiex nassisti fl-għoti ta’ dawn il-midalji, clasps u ċertifikati ta’ mertu u tifkiriet lil numru ta’ eks-uffiċjali li rtiraw wara li taw is-servizz tagħhom fil-Korp għal 25 sena jew aktar.

L-għoti ta’ Midalja għal Servizz Twil u Effiċjenti ġie introdott lill-membri tal-korpi dixxiplinati 22 sena ilu.  Din iċ-ċerimonja tal-lum tipprovdilna opportunità sabiex aħna nuru l-apprezzament u l-gratitudni tagħna lejn dawn l-uffiċjali għad-dedikazzjoni u impenn tagħhom fil-qadi ta’ dmirijiethom matul is-snin, kif ukoll għas-servizz impekkabbli li tipprovdu lis-soċjetà tagħna.  Intom illum qed tirrappreżentaw lill-membri sħabkom.

Mingħajr ebda dubju, kuljum, kull wieħed u waħda minna, jistrieħ fuq il-professjonalità, it-taħriġ u l-esperjenza tagħkom li qegħdin hemm mhux biss biex tipproteġuna, iżda wkoll biex tiddefendu l-istil ta’ ħajja demokratika tagħna u d-dritt tal-liġi.  Intom toffru serħan il-moħħ liċ-ċittadini tagħna.

L-isfidi tal-membri tal-Korp huma kbar.  Dan il-għaliex intom tridu tkunu fuq quddiem nett biex tiġġieldu l-kriminalità li minn ħin għall-ieħor tażżarda terfa’ rasha.  Meta jiġri hekk, l-istess membri tal-Korp, bl-awtorità u l-poteri li tagħtihom il-liġi u bi professjonalità kbira u anke, xi drabi, b’sogru kbir għal ħajjithom, jirnexxilkom trażżnu l-periklu għal ħaddieħor.

Il-ħidma tagħkom għandha impatt fuq l-iżvilupp ekonomiku ta’ pajjiżna.  Minnkom ukoll jiddependi jekk pajjiżna hux kapaċi jiġbed investiment barrani u impjiegi.  Investituri barranin ifittxu li jinvestu f’pajjiż li jkun safe, fejn ikun hemm is-serħan tal-moħħ, fejn ikun hemm sigurtà u fejn ikun hemm rata ta’ kriminalità baxxa.  L-istess jgħodd għat-turiżmu.  It-turisti jagħżlu lil pajjiżna anki minħabba l-kwalità tal-ħajja u s-sigurtà li għandna. 

Din is-sena l-Korp tal-Pulizija qed jiċċelebra l-198 anniversarju mit-twaqqif tiegħu.  Intom u membri oħra tal-Korp qabilkom tajtu protezzjoni lill-ġenerazzjonijiet sħaħ.

Il-Korp tal-Pulizija għandu storja pożittiva.  It-tebgħat, li sfortunatament għamlu ħsara lill-Korp, huma ftit.  U meta kien hemm dawn it-tebgħat il-Gvern ħadem biex terġa’ tintrebaħ lura l-kredibbiltà. 

Tul is-snin sar tibdil radikali fil-Korp tal-Pulizija.  Tibdil marbut mal-liġi, proċedura u r-regolamentazzjoni interna tagħkom.  Bl-impenn qawwi u d-dedikazzjoni tagħkom, intom ittrasformajtu dak li kien miktub fuq karta b’ħidma aktar effettiva, effiċjenti u moderna kif jixraq lill-pubbliku. 

Il-Gvern irid l-aħjar għall-membri tal-Korp tal-Pulizija.  Irridu flimkien inħarsu ‘l quddiem.  Ninsabu sentejn ‘il bogħod mit-tieni ċentinarju tal-Korp tal-Pulizija.  Hi okkażjoni biex inħarsu fil-fond u naraw x’tibdil hemm bżonn fil-Korp tal-Pulizija, biex inġeddu l-viżjoni tagħna għall-Korp tal-Pulizija, biex pajjiżna jkun dejjem aktar ippreparat biex jiġġieled il-kriminalità li kull ma jmur qed issir aktar sofistikata, biex insaħħu r-rabta bejn il-membri tal-Korp u l-pubbliku, biex nipproteġu aktar lil min hu vulnerabbli u biex ix-xogħol ta’ kull wieħed u waħda minnkom jagħtikom sodisfazzjon akbar.  Għalhekk il-Gvern se jwaqqaf Kumitat b’termini ta’ referenzi ċari bil-għan speċifiku li nħarsu ‘l quddiem.

Sinjuri,

Intenni r-ringrazzjament tiegħi lejn il-membri tal-Korp tal-Pulizija.  Fl-istess waqt insellem u nirringrazzja lill-familji tagħkom, lin-nisa u l-irġiel tagħkom, lil uliedkom li jagħmlu tant sagrifiċċji biex intom tibqgħu għaddejjin bil-ħidma tagħkom.  M’għandix l-iċken dubju illi s-sostenn kontinwu min-naħa tagħhom jgħin lilkom fil-qadi ta’ dmirijietkom. 

Għaldaqstant, din l-okkażjoni għandha sservi ta’ rikonoxximent lilkom ukoll.

Nista’ nassigurakom illi s-servizz li intom qed tipprovdu lejn il-pajjiż u s-soċjetà tagħna huwa ferm apprezzat.  Ta’ dan kollu grazzi lilkom miġbura hawn u lill-membri kollha tal-Korp tal-Pulizija.

Grazzi.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Tittella’ konferenza nazzjonali li tqajjem aktar għarfien u azzjoni kontra l-vjolenza domestika

PR262018

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

More Press Releases Right arrow