STQARRIJA MILL-MINISTERU TAL-FINANZI, L-EKONIMIJA U INVESTIMENT
Politika ċara fl-oqsma kruċjali tal-pajjiż
Stqarrija b’risposta għall- Istqarrija Maħruġa mill-Uffiċċju tal-Kommunikazzjoni tal-Partit Laburista
Il-Gvern dejjem kien konsistenti fl-għażla tiegħu għall-Power Station li hija kruċjali biex pajjiżna jattira aktar investiment u postijiet tax-xogħol. Mill-bidunett, il-Gvern mar għall-impjant li jista’ jaħdem anke bil-gass biex isir hekk malli l-infrastruttura tkun disponibbli. Hu għalhekk li l-Gvern ħadem biex jikkonvinċi lill-Kummissjoni Ewropea tinkludi l-finanzjament ta’ konnessjoni tal-gass għall-Istati Membri li huma ġeografikament maqtugħin mill-kontinent fil-perjodu tal-budget li jmiss mill-2014 ‘il quddiem.
Kuntrarju għal dan, sa ftit xhur ilu l-Oppożizzjoni kienet qed titkellem favur Power Station li taħdem bid-diesel u appoġġjat ukoll proposta oħra biex din taħdem bil-faħam.
Dott Muscat jibqa’ jgħid li se jnaqqas il-kontijiet bla ma jgħid kif. Dan juri li fil-fatt, ma jafx kif jista’ jagħmel dan. Kuntrarju ta’ dan, il-Gvern din is-sena assorba parti miż-żidiet fil-prezz interanzzjonali taż-żejt, biex b’hekk il-kontijiet għall-familji, in-negozju u l-industrija ma jgħolewx.
Din l-għajnuna, flimkien mal-investiment li l-Gvern qed jagħmel fl-Air Malta biex jassigura l-vijabilità tagħha u liema pjan kien approvat u meqjus bħala realistiku mill-Kummissjoni Ewropea, wasslu għal żieda fid-defiċit meta mqabbel mas-sena li għaddiet. Minkejja dan, il-qagħda finanzjarja ta’ pajjiżna tibqa’ b’saħħitha u dan ikkonfermawh istituzzjonijiet internazzjonali bħall-Fond Monetarju Internazzjonali u l-Kummissjoni Ewropea.
Filwaqt li Dott Muscat jibqa’ jirrikori għall-buzzwords li jgħattu l-vojt tal-politika tal-Oppożizzjoni, il-politika ekonomika tal-Gvern qed tibqa’ tħalli l-frott. Din is-sena pajjiżna ra żieda ta’ aktar minn 3,000 post tax-xogħol ieħor fl-istess żmien li l-qgħad fl-Ewropa kompla jikber. Dan kien riżultat ta’ żieda fl-investiment, kemm minn investituri barranin kif ukoll minn investituri żgħar lokali li investew kważi 130 miljun Ewro grazzi għall-għajnuna mill-Gvern bejn skemi lokali (MicroInvest u Microcredit) u Ewropej (Fondi ERDF).
Żgur li s-suċċess ekonomiku ta’ pajjiżna mhux mertu għal xi parir ta’ Dott Muscat, li ta l-parir biex il-Gvern idawwar ir-rotta ekonomika Maltija fuq il-mudell ta’ Ċipru. Dan il-pajjiż spiċċa wkoll f’xifer falliment u wasal biex jitlob għajnuna finanzjajri lill-pajjiżi Ewropej fosthom Malta.
B’xorti tajba għall-familji u n-negozji Maltin, il-Gvern ma ħax il-parir żbaljat ta’ Dott Muscat.
Minflok, il-Gvern għażel politika li ssarrfet f’aktar minn 20,000 post tax-xogħol, u li ppermettiet lill-Gvern iżid l-għajnuniet lill-familji, b’17-il inizjattiva ta’ tnaqqis tat-taxxi li ħalliet aktar flus fil-but il-familji Maltin u Għawdxin.
Stqarrijiet Oħra:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017