Left arrow Mur Lura

ELF FAMILJA B’MEMBRI B’DIŻABILITÀ MEGĦJUNA MILL-AWTORITÀ TAD-DJAR

pr1545
Date Icon 11/07/2012

Fis-snin li għaddew l-Awtorità tad-Djar għenet madwar 1,000 familja li għandhom membru b’diżabilità sabiex jagħmlu r-residenzi tagħhom aktar aċċessibbli inkella b’sussidju fuq il-kera tar-residenza tagħhom.

Dan qalu l-Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja Chris Said waqt żjara f’residenza privata fil-Mellieħa fejn l-Awtorità tad-Djar għenet finanzarjament sabiex kien installat lift għall-użu tal-familja Muscat. Il-familja Muscat hi magħmula minn seba’ persuni fosthom minn Kyra, tfajla ta’ 21 sena, li tuża siġġu tar-roti.

Il-Ministru Chris Said spjega l-impenn tal-Gvern li jkompli jaħdem sabiex il-persuni b’diżabilità jibqgħu jgħixu ħajja indipendenti fil-komunità. Hu qal li l-Awtorità tad-Djar għandha diversi skemi li permezz tagħhom tgħin persuni b’diżabilità u lill-familji tagħhom itejbu l-kwalità tal-ħajja tagħhom. Fost l-oħrajn l-Awtorità tad-Djar tipprovdi għajnuna finanzjarja u teknika lill-persuni b’diżabilità sabiex isiru xogħlijiet ta’ titjib relatati mad-diżabilità tagħhom fir-residenzi okkupati minnhom.  Din l-għajnuna tinvolvi

- ghotja sa massimu ta’ €18,500 lill-persuni li għandhom nuqqas fiżiku u/jew intellettwali li jillimitalhom b’mod sostanzjali l-attività tagħhom. L-Awtorità tad-Djar iżżur ir-residenza tal-applikant u tagħti parir tekniku dwar x’tip ta’ xogħlijiet jistgħu jsiru għall-aħjar benefiċċju tal-persuna b’diżabilità;

- għajnuna fuq xogħlijiet ta’ alterazzjoni, stairlift, lift fi blokki ta’ appartamenti privati jew lift fi djar privati;

- 

Permezz ta’ din l-iskema, bejn l-2008 u 2011, l-Awtorità tad-Djar għenet aktar  minn 300 persuna b’diżabilità bi spiża ta’ aktar minn miljun Ewro.

Il-Ministru Chris Said qal li familji b’membru b’diżabilità, li jgħixu f’residenza mikrija mingħand il-privat u li jieħdu sussidju fuq il-kera mill-Awtorità tad-Djar, jingħataw sussidju addizzjonali.

Għajnuna oħra mmirata lejn persuni b’diżabilità tingħata fil-blokki tal-Gvern fejn l-Awtorità tad-Djar tinstalla lifts fi blokok jew entraturi fejn hemm persuni b’diżabilità. Kull applikazzjoni tingħata prijorità skont il-livell tad-diżabilità jew problemi ta’ mobilità’ tal-applikant u l-urġenza tal-bżonn li jkun installat lift fil-blokka. Barra minn hekk, meta tibni postijiet ġodda, l-Awtorità tad-Djar qed tinstalla lifts biex issaħħaħ l-aċċessibilità tal-familji li jiġu allokati post. Bejn l-2008 u l-2011, l-Awtorità tad-Djar installat 48 lift; inħareġ it-tender għal 4 lifts oħra; u hemm pjan li jiġu preparati t-tenders għal 12-il lift oħra.

Il-Ministru Chris Said irrefera wkoll għall-Iskema Darek Faċli li permezz tagħha l-Awtorità tad-Djar qed tbigħ 123 fond residenzjali u 98 garaxx bi prezz issussidjat. Hu qal li l-Awtorità tad-Djar allokat sa 10% tal-postijiet lill-applikanti li jew huma nfushom jew membru tal-familja tagħhom (li jgħix magħhom) ikollhom diżabilità kif ukoll persuni li jsofru jew sofrew minn mard kroniku mentali u li għandhom karta tal-identità speċjali maħruġa mill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità.

Il-Ministru Said fakkar ukoll li f’pajjiżna hawn 179 persuna b’diżabilità li qed jgħixu f’waħda mill-31 dar residenzjali fil-komunità mħaddma bejn il-Gvern u diversi NGOs. F’qasir żmien mistennija jiftħu ħamest idjar residenzjali oħra fil-komunità għall-persuni b’diżabilità.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Albert Buttiġieġ semma wkoll kif l-Awtorità tad-Djar tgħin għaqdiet volontarji li joffru servizzi ta’ housing lil gruppi differenti fis-soċjetà tagħna.  Fost dawn l-għaqdiet hemm dawk li joffru servizz lil persuni b’diżabilità. L-Awtorità tad-Djar tat fond fl-Imsida lil Equal Partners, b’kirja ssussidjata, biex ikunu jistgħu joffru s-servizzi tagħhom lil tfal u adulti b’diżabilitàintelletwali.

L-Awtorità tagħti wkoll appartamenti sabiex ikunu jistgħu jintużaw minn persuni li jistgħu jgħixu b’mod indipendenti minn istituzzjoni. iżda fl-istess waqt jingħataw is-sapport meħtieġ fil-mixja tagħhom lejn ħajja aħjar u aktar indipendenti fis-soċjetà.  Fil-fatt, taħt l-iskema tas-Supportive Housing, l-Awtorità tad-Djar allokat tliet appartamenti f’B’Kara, f’M’Xlokk u fl-Imġarr lill-Isptar Monte Karmeli, u tliet appartament oħra f’Ħaż Żebbuġ, f’B’Buġia u f’Ħal Kirkop lil Richmond Foundation.  Dawn l-appartamenti jintużaw minn persuni li għandhom problemi ta’ saħħa mentali biex jgħixu b’mod indipendenti jew semi-indipendenti.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Tittella’ konferenza nazzjonali li tqajjem aktar għarfien u azzjoni kontra l-vjolenza domestika

PR262018

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

Aktar Stqarrijiet Right arrow