IS-SERVIZZ TA’ CUSTOMER CARE TAD-DIPARTIMENT TAS-SIGURTÀ SOĊJALI ESTIŻ FI TMIEN LOKALITAJIET
Fix-xhur li għaddew id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali issieħeb ma’ tmien Kunsilli Lokali differenti sabiex bi sħab jibdew jipprovdu servizz ta’ customer care mill-Uffiċċji tal-Kunsilli Lokali rispettivi. Dawn il-Kunsilli Lokali huma dawk tal-Gudja, San Pawl il-Baħar, il-Għargħur, Pembroke, Ħ’Attard, il-Mellieħa, ix-Xagħra u l-Għarb.
Id-dettalji ngħataw waqt żjarat separati li l-Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja Chris Said għamel fl-Uffiċċji tal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa u tax-Xagħra f’Għawdex minn fejn id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali qed jipprovdi s-servizzi tiegħu. Fil-Mellieħa dan is-servizz qed jingħata darbtejn fil-ġimgħa filwaqt li fix-Xagħra u f’numru ta’ lokalitajiet oħra dan qed jingħata darba fil-ġimgħa.
Bis-saħħa ta’ dan is-servizz, residenti tal-Mellieħa u tax-Xagħra jistgħu jinqdew mill-Kunsill Lokali rispettivi tagħhom biex:
• japplikaw għal kwalunkwe benefiċċju tas-sigurtà soċjali;
• jirraportaw kwalunke tibdil ta’ ċirkostanzi;
• japplikaw għal, jew iġeddu l-karta r-roża;
• jissottomettu ċertifikati tal-mard; u
• jagħmlu kwalunke talba għall-informazzjoni dwar kwalunkwe materja ta’ sigurtà soċjali
L-istess jgħodd għar-residenti tal-lokalitajiet minn fejn il-Kunsilli Lokali bdew joffru servizz ta’ customer care bi sħab mad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali.
Il-Ministru Chris Said qal li l-estensjoni tal-customer care tas-sigurta’ soċjali fil-komunitajiet qed issir bħala parti minn riforma sħiħa, fil-mod kif id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali jagħti s-servizzi tiegħu lill-pubbliku. Il-ħsieb hu li s-servizzi jibdew jingħataw kemm jista’ jkun fil-komunitajiet infushom sabiex il-pubbliku jinqeda aħjar. Is-servizz ta’ customer care se jiġi estiż f’lokalitajiet oħra tant li sa tmiem l-2012 hu mistenni jiġi offrut fi 12-il lokalità oħra.
Il-Ministru Said qal li fis-snin li għaddew, il-Kunsilli Lokali ngħataw diversi responsabbiltajiet ġodda kif ukoll ir-riżorsi meħtieġa biex joffru numru ta’ servizzi fil-lokalitajiet rispettivi tagħhom. Il-Kunsilli Lokali qed jiġu mħeġġa jikkontribwixxu lejn l-attivitajiet li jġibu magħhom l-inklużjoni soċjali u joffru servizzi biex jgħinu fit-titjib tal-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini u tal-komunitajiet li jirrappreżentaw.
“M’għandix dubju li permezz ta’ din l-estensjoni tal-ħidma tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali fil-lokalitajiet tagħna se nkunu qed niffaċilitaw il-ħajja tal-eluf li jagħmlu użu minn dan is-servizz.”, sostna l-Ministru Chris Said.
Is-servizzi tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali fil-komunitajiet qed jingħata kif ġej:
Kunsill Lokali | Jum | Ħin |
Gudja | Kull nhar ta’ Erbgħa | 8.00am – 12.00pm |
Ħ’Attard | Kull nhar ta’ Tlieta | 8.00am – 12.00pm |
Mellieħa | Kull nhar ta’ Erbgħa Kull nhar ta’ Ġimgħa | 8.00am – 12.00pm u mis-1.00pm – 4.00pm |
Għarghur | Kull nhar ta’ Erbgħa | 8.30am – 12.30pm |
Pembroke | Kull nhar ta’ Ħamis | 8.00am – 12.00pm |
Xagħra, Għawdex | Kull nhar ta’ Erbgħa | 8.00am – 12.00pm |
Għarb, Għawdex | Kull nhar ta’ Tlieta | 8.00am – 12.00pm |
San Pawl il-Baħar | Kull nhar ta’ Ħamis | 8.00am – 12.00pm |
Id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali għandu wkoll 24 Uffiċċju Distrettwali għad-disposizzjoni tal-pubbliku li jiftħu kuljum mit-Tnejn sal-Ġimgħa. Dawn jinsabu f’ Ħal Balzan, il-Birgu, Birkirkara, il-Fgura, il-Ħamrun, Ħal Luqa, il-Marsa, il-Mosta, l-Imsida, in-Naxxar, Raħal il-Ġdid, il-Qawra, Ħal Qormi, ir-Rabat Malta, San Ġwann, is-Siġġiewi, Tas-Sliema, il-Belt Valletta, Ħaż-Żabbar, Ħaż-Żebbuġ, iż-Żejtun u iż-Żurrieq f’Malta, u kif ukoll f’Victoria u fin-Nadur f’Għawdex.
Stqarrijiet Oħra:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017