KONSULTAZZJONI DWAR PROPOSTA GĦAT-TWAQQIF TA’ ARREST REFERRAL SCHEME – SISTEMA SPEĊJALIZZATA LI TITTRATTA KAŻIJIET TA’ DROGA
Il-Ministeru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja illum ippubblika għall-konsultazzjoni proposta tal-Kummissjoni Nazzjonali dwar l-Abbuż tad-Droga, Alkoħol u Dipendenzi oħra. Din il-proposta tinvolvi t-twaqqif ta’ Arrest Referral Scheme (ARS) – skema li jista’ jgawdi minnha min jinstab fil-pussess ta’ droga għall-ewwel darba u din tkun għall-użu esklussiv tiegħu. Il-proposta tinkludi wkoll it-twaqqif ta’ Extra Judicial Body (EJB) li hi sistema speċjalizzata li tittratta każijiet ta’ droga.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Chris Said qal li l-Gvern jibqa’ impenjat li jsaħħaħ il-ġlieda kontra t-traffikanti tad-droga. Hu fisser li din il-proposta tinvolvi skemi li t-traffikanti tad-droga u min jinqabad jabbuża mid-droga aktar minn darba, ma jistgħux igawdu minnhom. Madankollu l-Gvern jemmen li min jagħmel żball darba m’għandux jibqa’ jġorru għal għomru. Għandu jingħata opportunita` jirriforma ruħu u jżomm postu fis-soċjeta` biex jibni ħajja aħjar għalih u għal ta’ madwaru.
Il-Ministru Chris Said qal li l-ARS u l-EJB se jirrikjedu emendi fil-liġi biex hekk jiġi assigurat li s-sistema taħdem fil-parametri tal-Liġijiet ta’ Malta. It-tibdiliet kollha se jsiru wara proċess ta’ konsultazzjoni wiesgħa mal-istakeholders kollha inkluż il-Pulizija, il-Kamra tal-Avukati, l-Aġenzija Sedqa, NGOs u l-pubbliku inġenerali.
Kif spjegat minn Dr. Marilyn Clark, Chairperson tal-Kummissjoni Nazzjonali dwar l-Abbuż mid-Droga, Alkohol u Dipendenzi oħra, permezz tal-ARS persuna miżmuma mill-pulizija wara li tinstab fuqha sustanza illeċita li tkun għall-użu personali, tiġi avviċinata fil-post minn Arrest Referral Officer (ARO). L-arrestat jiġi mgħarraf b’żewġ għażliet li jista’ jagħmel: jew jidħol fl-iskema ARS inkella jagħżel li l-każ tiegħu jgħaddi mill-proċess regolari u għaldaqstant jitressaq quddiem il-Qorti.
F’każ li l-individwu jagħżel minn jeddu li jidħol fl-iskema ARS, u jiġi aċċertat li fil-fatt qatt ma kellu ebda każ fejn ġie misjub ħati ta’ reati konnessi mad-droga, hu:
jiġi mgħarraf kif jista’ jidher quddiem l-EJB;
u jagħti l-awtorizzazzjoni tiegħu bil-miktub li hu jikkommetti ruħu għall-proċeduri addottati mill-EJB fil-konfront tiegħu.
Meta persuna tagħżel l-iskema ARS, il-pulizija ma jkomplux bil-prosekuzzjoni fil-konfront tagħha. Madankollu jibqgħu fid-dmir li jgħarrfuha bid-data ta’ meta għandu jidher għall-ewwel darba quddiem l-EJB.
Persuni ma jkunux eliġibbli biex jidħlu fl-iskema ARS f’każ li l-pulizija jaċċertaw li f’okkażjoni oħra huma jkunu diġa` instabu ħatja ta’ reati oħra relatati mad-droga; il-każ ma jkunx meqjus bħala wieħed ta’ pussess għall-użu personali; jew inkella għaliex jagħżlu minn jeddhom li jgħaddi mill-proċeduri legali regolari.
Il-proposta dwar l-EJB tgħid li dan għandu jkun magħmul minn chairperson assistit minn żewġ persuni li jkollhom esperjenza u kwalifiki speċjali biex jaħdmu mal-problemi li jiltaqgħu magħhom persuni li jagħmlu użu minn sustanzi illeċiti.
Min-naħa tagħha, persuna li tagħżel l-iskema ARS, fl-ewwel smiegħ quddiem l-EJB u fil-preżenza tal-avukat tagħha, wara li tammetti l-fatti tal-każ, għandha tikkoopera u ssegwi l-kundizzjonijiet li jkunu ġew deċiżi mill-EJB biex tiġi megħjuna ma terġax taqa’ u/jew toħroġ mill-vizzju.
Id-dokument bil-proposti dwar l-ARS u l-EJB jista’ jitniżżel mis-sit elettroniku https://secure2.gov.mt/socialpolicy/SocProt/others/commissions_boards_committees/nat_comm_abuse_drugs_alcohol_dependencie/public_consultation.aspx
Suġġerimenti dwar din il-proposta għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni Nazzjonali dwar l-Abbuż mid-Droga, Alkoħol u Dipendenzi oħra c/o The National Coordinating Unit for Drugs and Alcohol, 72, Melita Street Valletta VLT1120 jew permezz ta’ email fuq nfp.msoc@gov.mt.
Stqarrijiet Oħra:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017