WEGĦDA OĦRA ELETTORALI MWETTQA PERMEZZ TA’ LIĠI LI TIPPROTEĠI U SSAĦĦAĦ AKTAR LILL-KONSUMUTURI
F’konferenza stampa tal-aħbarijiet li saret kmieni filgħodu, il-Ministru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u l-Konsumatur Jason Azzopardi ta dettalji dwar l-Att tal-Proċeduri Kollettivi li se jiġi fis-seħħ fl-1 ta’ Awwissu li ġej. Permezz ta’ din il-liġi ġdida, konsumatur li jkun jixtieq jiftaħ kawża fil-qorti sabiex jiġu mħarsa d-drittijiet tiegħu, issa se jkun jista’ jagħmel dan billi jingħaqad ma’ konsumaturi oħra li jkollhom l-istess għan. Din il-liġi, spjega l-Ministru Azzopardi se tkun ukoll iffukata għall-intrapriżi żgħar u medji. Bażikament rappreżentant wieħed se jkun jista’ jirrappreżenta grupp ta’ nies dwar l-istess kwistjoni. “ Permezz ta’ dan il-proċess sostna l-Ministru, l-konsumaturi se jkunu qed jiffrankaw ħafna ħela ta’ ħin u spejjeż żejda”.
Il-liġi tistabbilixxi illi biex tinfetaħ kawża se jkun biżżejjed li dawn il-proċeduri jiġu preżentati mqar minn żewġ persuni. Il- konsumaturi u entitajiet se jkollhom ċ-ċans ukoll li jiftħu proċeduri flimkien la darba l-qorti tisma’ każ wieħed.
L-istess każ jista jiġi adattat għal grupp ta’ intrapriżi, fejn rappreżentant se jkun jista’ jiftaħ kawża f’isem numru ta’ intrapriżi li jkollhom talbiet li jqajmu kwistjonijiet komuni li jirriżultaw minn ksur ta’ liġijiet dwar il-kompetizzjoni, il-konsumatur jew is-sigurezza tal-prodotti. “Ħafna drabi l-konsumaturi ma jħossuhomx komdi jieħu azzjoni waħedhom fuq bażi individwali, u b’hekk tali liġi se tiffaċilita li dawn id-diffikultajiet jiġu megħluba u l-kawżi jingħaqdu f’waħda li jkun rappreżentant minn persuna waħda", sostna l-Ministru Azzopardi.
Il-Minstru Azzopardi semma li sal-lum ma kienx possibli li għaqdiet tal-konsumaturi jieħdu azzjoni fil-qrati f’isem il-konsumaturi li jirrapreżentaw. " B’din il-liġi , se nkunu qed nagħtu ċans akbar lill-individwu rimedju effettiv u għalhekk se nkunu qed niffaċilitaw l-aċċess għall-ġustizzja ", sostna l-Ministru.
Sylvanne Aquilina, Direttur Ġenerali mill-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni, spjegat li li se jkunu jistgħu jinfetħu żewġ tipi ta’ proċeduri kollettivi; l-ewwel permezz ta’ “azzjoni ta’ grupp”, fejn il-proċeduri jiġu ppreżentati f’isem numru ta’ persuni u fejn ir-rappreżentanti tal-klassi jkollu talba flimkien mal-membri l-oħra tal-grupp”, u f’ "azzjoni rappreżentattiva", fejn il-kawża tiġi ppreżentata f’isem għadd ta’ persuni minn korp rappreżentattiv bħal għaqda tal-konsumaturi. Tista’ tinfetaħ kawża sabiex jintalab kumpens, jintalab it-twaqqif tal-ksur jew jintalab għar-rettifika tal-konsegwenzi. Applikazzjoni tal-liġi tista’ ssir għall-ksur tal-liġijiet li jirrigwardjaw il-kompetizzjoni, l-affarijiet tal-konsumatur u s-sigurezza tal-prodotti.
Ic-Chairman tal-Awtorità għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur, is-Sur Francis Farrugia qal li nħasset n-neċessità , li l-konsumatur u l-intrapriżi għandhom ikunu infurmati jekk xi ħadd se jkun se jiftaħ "class action". Dan se jsir permezz ta’ pubblikazzjoni fil-Gazzetta tal-Gvern u f’ġurnali lokali kemm bl-ingliż u bil-malti, kif ukoll mezzi oħra tax-xandir skond l-ordni tal-Qorti. Is-Sur Farrugia spjega wkoll li persuna se jkollha ħin neċċessarju sabiex tiddeċiedi jekk għandiex tissieħeb jew le fil-kawża. Filfatt il-Qorti tista’ tagħti ħames xhur ċans sabiex il-konsumatur jiddeċiedi.
Sabiex jittaffew l-ispejjeż, il-liġi tistipula wkoll li jekk ikun hemm proċedimenti kollettivi miftuħa minn għaqda tal-konsumaturi li hija reġistrata, din se jitnaqqsulha l-ispejjeż ġudizzjarji kontriha. Barra minn hekk għaqda tal-konsumaturi li hija reġistrata se tkun eżenti mill-ħlas ta’ miżati tal-qorti tar-reġistru fuq il-preżentazzjoni tal-kawża dwar il-proċedimenti kollettivi.
Fl-aħħar nett, il-Ministru qal li din il-liġi li għada ma ġietx fis-seħħ fil-pajjizi kollha tal-Unjoni Ewropea, tfisser pass ‘il quddiem sabiex nagħtu aktar saħħa lill-konsumaturi, inkomplu nnaqsu l-burokrazija u nżidu l-effiċjenza. Huwa qal li jekk l-konsumaturi jkunu moqdija tajba, in-negozji jmorru tajjeb ukoll u jisssaħħu permezz ta’ aktar tkabbir u ħolqien tax-xogħol.
Stqarrijiet Oħra:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017