LAQGĦA TAL-EUROGROUP U L-ECOFIN B’ENFASI FUQ IT-TISĦIĦ TAL-ISTABBILITÀ EKONOMIKA U FINANZJARJA FL-UNJONI EWROPEA
Il-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment Tonio Fenech, ħalla Malta għal Brussell, fejn se jipparteċipa għal-laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri tal-Affarijiet Ekonomiċi u l-Finanzi tal-Unjoni Ewropea (ECOFIN) u l-laqgħa tal-Grupp tal-Ewro (Eurogroup). Tonio Fenech se jkun akkumpanjat mir-Rappreżentant Permanenti ta' Malta għal-Unjoni Ewropea, Richard Cachia Caruana u mis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment, Alfred Camilleri.
It-tisħiħ tal-istabbilità ekonomika u finanzjarja fl-Unjoni Ewropea se jibqa’ parti important tal-aġenda, bid-diskussjoni tal-Eurogroup tiffoka fuq Abbozz ta’ Memorandum of Understanding li jistipula t-termini u l-kundizzjonijiet tal-assistenza finanzarja għal Spanja bl-għan li jilħqu ftehim politiku.
Intant, il-Ministru tal-Finanzi tal-Greċja se jippreżenta l-prioritajiet politiċi tal-Gvern Grieg ġdid, u se ssir l-ewwel diskussjoniet dwar missjoni li bdiet fl-4 ta’ Lulju li wettqet valutazzjoni fuq l-implimentazzjoni tat-tieni program.
Se ssir diskussjoni wkoll dwar l-għajnuna finanzjarja mitluba minn Ċipru u diskussjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Mekkaniżmu ta’ Stabbilità Ewropew.
Għada mbagħad tiltaqa’ l-laqgħa tal-ECOFIN, li se jittratta fost l-oħrajn it-twaqqif ta’ qafas għall-irkupru u riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u kumpaniji ta’ investiment, se ssir preżentazjoni dwar il-Program tal-Presidenza Ċiprijotta u diskussjoni dwar is-Semestru Ewropew.
Stqarrijiet Oħra:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017