IS-27 AWLA FIL-QRATI TA’ MALTA U GĦAWDEX JAQILBU GĦAS-SISTEMA DIĠITALI
- Awla oħra mgħammra bil-faċilitajiet għall-video-conferencing
- Proġett pilota dwar files elettroniċi bl-atti tal-kawżi ċivili
- Introdott internet bil-Wi-Fi b’xejn fil-bini tal-Qrati
Fil-Qrati ta’ Malta kompla l-investiment fil-qasam tat-teknoloġija tal-informatika sabiex jiffaċilita l-ħidma tal-ġudikatura u jitjieb is-servizz mogħti lill-avukati u lill-pubbliku in ġenerali. Fost l-oħrajn l-awli kollha fil-Qrati ta’ Malta u Għawdex issa qalbu għas-sistema diġitali; awla oħra kienet mgħammra bil-faċilitajiet għall-video-conferencing; beda jitħaddem proġett pilota dwar files elettroniċi bl-atti tal-kawżi ċivili; u għall-ewwel darba kien introdott internet bil-Wi-Fi b’xejn biex jintuża minn kulħadd.
Il-Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja Chris Said żar il-bini tal-Qrati fil-Belt Valletta fejn seta’ jara l-ħidma li saret. Hu kien akkumpanjat mill-Assistent Parlamentari fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Franco Debono. Preżenti kien hemm id-Direttur Ġenerali tal-Qorti Kevin Mahoney.
It-teħid tax-xhieda fl-awli kollha fil-Qrati f’Malta u f’Għawdex issa qed jiġi reġistrat b’sistema diġitali li ħadet post is-sistema l-qadima tal-cassettes. Il-bidla, li nbdiet wara inizjattiva u intervent tal-Assistent Parlamentari Franco Debono, saret fuq medda ta’ xhur b’tali mod li ma jiġux affettwati s-seduti u x-xogħol ma jtellifx il-ħidma tal-Qorti. Waqt iż-żjara Franco Debono ħeġġeġ sabiex jiġi eżaminat il-bżonn ta’ emendi fil-liġi li jirriflettu dan l-iżvilupp.
Il-Ministru Chris Said qal li t-teħid tax-xhieda u l-konservazzjoni tagħha huma essenzjali għal kull Qorti għaliex abbażi ta’ dik ix-xhieda jittieħdu deċiżjonijiet u jinqatgħu kawżi li jeffettwaw il-ħajja tan-nies li jidhru quddiemha. Għalhekk kien importanti li jingħata taħriġ personalizzat lill-membri tal-istaff tal-Qorti sabiex isegwu proċeduri standard fl-użu tas-sistema l-ġdida. Is-sistema ta’ irrekordjar tax-xhieda fil-Qrati issa hi l-istess waħda li tintuża fil-Kamra tar-Rappreżentanti. Kull waħda mill-24 awla fil-Qrati ta’ Malta u mit-tliet awli fil-Qorti t’Għawdex issa hi mgħammra bl-istess sistema diġitali li tinkludi flash cards, card readers, DVD writers u muting devices fuq kull tribuna, b’ta l-aħħar tiġi mħaddma mill-Ġudikant stess sabiex ikollu l-faċilità li jirreġistra l-essenza tax-xhieda. Waqt li kienet qed issir l-installazzjoni f’kull awla, inbidel ukoll xi apparat bħal microphones u speakers fejn kien hemm il-ħtieġa.
Sabiex tkompli tiffaċilita l-possibbilità li xhieda tittieħed permezz tal-video-conferencing, l-Amministrazzjoni tal-Qorti żiedet awla oħra li tista’ toffri dan is-servizz. Il-Ministru Chris Said li b’hekk issa hemm erba’ awli attrezzati b’dan l-apparat u dan sabiex jiġi assigurat li kull talba li ssir għal tali użu, kemm mill-Maġistrat li jkun qed jippresjedi l-kawża kif ukoll mill-Prosekuzzjoni, tiġi milqugħa. Dan l-apparat jintuża primarjament f’każijiet fejn ikunu se jixhdu minuri li jkunu sfaw vittmi ta’ xi abbuż sesswali. Permezz tal-video-conferencing il-minuri ma jkolliex għalfejn tiffaċċa lill-aggressur tagħha fl-awla għax hija tibqa’ f’kamra biswit l-awla u tixhed permezz ta’ dan l-apparat. Din is-sistema anke tintuża f’każijiet ta’ vjolenza domestika. Matul l-2011 is-sistema tal-video-conferencing intużat fi 53 okkażjoni u s’issa fl-2012 intużat 12-il darba.
Wara li fis-snin li għaddew tħaddmet b’mod mill-aktar effiċjenti is-sistema li permezz tagħha is-sentenzi tal-Qrati jittellgħu on-line, issa se tkun introdotta is-sistema ta’ files elettroniċi għall-atti tal-kawżi ċivili. Il-Ministru Chris Said qal li din ilha titħaddem fil-Qorti tal-Għawdex għal dawn l-aħħar snin u issa wasal il-waqt li tibda’ titħaddem bħala proġett pilota fil-Qorti ta’ Malta. Peress li l-volum ta’ atti fil-Qorti ta’ Malta jiżboq lil dak f’Għawdex bil-bosta, l-iscanning ta’ atti f’Malta għall-ewwel se jibda’ b’Qorti waħda u wara li jiġi studjat l-impatt ta’ dan ix-xogħol fuq ir-riżorsi umani, finanzjarji u anke fuq l-infrastruttura tat-teknoloġija tal-informatika, jiġi deċiż meta u kif se jinfirex aktar dan is-servizz.
Il-benefiċċji ta’ files elettroniċi huma bosta. Din is-sistema toffri servizz elettroniku lil kulħadd, primarjament lill-professjoni legali, li permezz tagħha l-files ikunu jistgħu jiġu aċċessati elettronikament mill-uffiċċju permezz tal-internet wara li jiġu segwiti kriterji ta’ awtentiċità u sigurtà għall-istess aċċess. B’hekk ma jkunx hemm il-ħtieġa li avukat jew il-parti fil-kawża tmur il-Qorti jekk tkun trid tara l-file. Jiġi wkoll evitat t-tqattiegħ tal-proċessi għaliex bl-użu kontinwu dawn issirilhom il-ħsara. Barra minnhekk, l-Amministrazzjoni jkollha wkoll kopja elettronika ta’ kull att ippreżentat fil-Qorti f’dak il-file partikolari u b’hekk titnaqqas il-possibbiltà ta’ abbuż jew telf ta’ atti u dokumenti oħra.
Sadanittant, wara li fix-xhur li għaddew ġie nstallat l-internet bil-Wi-Fi fil-Qorti tal-Maġistrati f’Għawdex, is-servizz issa qed ikun ipprovdut fil-Qrati ta’ Malta fejn ġew identifikati 17-il post l-aktar frekwentati mill-pubbliku, kemm fil-binja prinċipali tal-Qorti kif ukoll fil-binja tal-Qorti tal-Familja, illi fihom qed jiġi offrut is-servizz tal-Wi-Fi. Dan is-servizz qed jingħata b’xejn lil kulħadd u qed ikun iffiltrat skont il-kategorija tal-website skont kif jiġi rikjest mill-Amministrazzjoni tal-Qorti sabiex jassigura użu tajjeb tas-servizz, f’konformita’ ma’ proċeduri użati f’entitajiet Governattivi.
Il-Ministru Chris Said qal li dan is-servizz b’xejn se jkun ta’ utilità kbira għall-mijiet ta’ nies li kuljum jagħmlu użu mill-bini tal-Qorti, avukati u ġudikatura. Wieħed jista’ jaċċessa l-internet mingħajr il-ħtieġa ta’ pin code jew password u mingħajr in-neċessità ta’ għajnuna minn persuni tekniċi. Twaħħlu wkoll avviżi biex jindikaw il-preżenza ta’ Wi-Fi spots.
Is-servizz huwa aċċessibbli minn kwalunkwe apparat teknoloġiku bħal laptop, telefon ċellulari u tablets. Is-servizz għandu kapaċita’ ta’ 20mbps download u 2 mbps upload u jista’ jiflaħ sa użu ta’ 500 ruħ f’ħin wieħed. Is-servizzqedjingħata kuljumsabiex jassigura li s-servizz ikun kontinwu għal benefiċċju taċ-ċittadin li jkun preżenti ġewwa l-Qorti.
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017