Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX

pr1509
Date Icon 06/07/2012

Attakk falz u allarm irresponsabbli għad-detriment tal-pazjenti

Il-Ministeru għal Għawdex jikkundanna l-attakk inġust u irresponsabbli li sar mill-MUMN fil-konfront tal-isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Huwa attakk mimli falzitajiet intiż biss biex jikkawża allarm fost il-pazjenti għal xejn b’xejn.

Fl-aħħar snin żdiedu s-servizzi u l-kura medika li tingħata f’Għawdex. Is-servizzi li jingħataw minn ġewwa l-isptar huma servizzi tajbin li jlaħħqu u jikkonformaw mal-istandards stabiliti fil-qasam tas-saħħa f’pajjiżna. Barraminhekk il-Gvern żied il-faċilitajiet u l-apparat mediku, tejjeb l-infrastruttura u l-ambjent tal-isptar.

Matul dawn l-aħħar snin il-Ministeru għal Għawdex ħadem kontinwament biex servizzi eżistenti fl-isptar f’Għawdex komplew jiġu mtejba filwaqt li ġew introdotti oħrajn ġodda, għall-ġid ta’ kull min b’xi mod jiġi bżonn dawn is-servizzi f’Għawdex. Ġew koordinati xogħlijiet li permezz tagħhom twaqqfet u kompliet tiġi mtejba t-taqsima tas-CCU, sar refurbishment tas-swali ġenerali tan-nisa u tal-irġiel, residenza Sant’Anna, it-taqsima tat-tfal u tal-maternità u twaqqfet it-taqsima tal-Ġinekoloġija. F’dawn is-swali kollha kif ukoll fit-taqsima tal-emerġenza sar xogħol intensiv fejn ġew mibdula s-servizzi kollha kif ukoll is-saqaf qadim tal-asbestos. Ix-xogħol ta’ ristrutturar issa beda fil-kurriduri u ser ikomplu fit-taqsima   tal-outpatients.

Is-servizzi fl-isptar f’Għawdex ġew imtejba b’mod qawwi permezz tal-ftuħ ta’ Dipartiment tar-Radjoloġija ġdid li permezz tiegħu pazjenti Għawdxin jistgħu jingħataw servizzi li qabel bilfors kellhom imorru għalihom fl-Isptarijiet f’Malta. Każijiet partikolari huma dawk ta’ pazjenti li qed jirċievu kura għall-mard tal-kanċer fejn ikollhom bżonn jagħmlu CT scans b’mod regolari u issa dan beda jsir f’Għawdex. Fil-ġimgħat li ġejjin ser jibda jingħata servizz ġdid għat-testijiet tal-bone density bħala riżultat tal-istess proġett. Dan il-proġett qed jiġi segwit bi proġett ieħor ta’ ristrutturar fis-swali tal-operazzjonijiet fejn hawn ukoll inxtara apparat ġdid u modern tal-aqwa kwalità biex ikompli jtejjeb is-servizzi f’dan l-isptar.

Fl-aħħar snin fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex sar investiment qawwi. Dan kompla jtejjeb is-servizzi għall-pazjenti kif ukoll għall-istaff mediku, paramediku u ħaddiema oħra fl-isptar. Ta’ min ifisser li x-xogħol kollu li sar ried jiġi koordinat b’mod li x-xogħol u s-servizzi fl-isptar jibqgħu għaddejjin b’mod regolari mingħajr ma jiġu sospiżi. Dan ukoll huwa mertu ta’ ħidma li tfittex l-interessi tal-pazjenti u l-ħaddiema fl-isptar.

Filwaqt li żdiedu s-servizzi mediċi, ser jiżdiedu wkoll l-infermiera. Ta’ min ifisser li d-diskussjonijiet f’dan ir-rigward isiru b’mod regolari fl-interess tal-pazjenti.

Il-Ministeru  għal Għawdex irid iserraħ moħħ il-pubbliku Għawdxi u kull min b’xi mod jiġi bżonn is-servizzi fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex li s-servizzi f’dan l-isptar qed ikomplu jingħataw bl-aktar mod responsabbli u professjonali mill-ħaddiema kollha tal-isptar kif ingħataw dejjem. M’huwiex minnu li hemm xi riskju jew perikli għal kuntlarju ta’ dak allegat fl-istqarrija msemmija.

Il-Ministeru jirringrazzja lill-ħaddiema kollha li jaħdmu fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex għas-servizz dedikat li jagħtu għal ġid tal-pazjenti.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Tittella’ konferenza nazzjonali li tqajjem aktar għarfien u azzjoni kontra l-vjolenza domestika

PR262018

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

More Press Releases Right arrow