TMENIN ACCOUNTANT U AWDITUR JIKSBU L-WARRANT, ĊAVETTA GĦAL OPPORTUNITAJIET AĦJAR TA’ XOGĦOL FIS-SETTUR TAS-SERVIZZI FINANZJARJI
F’ċerimonja li saret f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, il-Ministru tal-Finanzi, Ekonomija u Investiment Tonio Fenech preżenta l-warrant lil 80 accountant u awditur ġdid.
Fl-aħħar snin, is-settur tas-servizzi finanzjarji kiber sostanzjalment u llum joffri xogħol ta’ kwalità lil aktar minn 12,000 persuna direttament jew f’setturi li jipprovdu servizzi relatati.
Filwaqt li awgura kull suċċess lil warrant holders il-ġodda, il-Ministru Fenech appella biex huma wkoll ikomplu jħarsu r-reputazzjoni li kisbet Malta f’dan is-settur. Il-Ministru tkellem dwar il-ħidma tal-Gvern biex jattira aktar investiment fis-settur tas-servizzi finanzjarji, b’mod partikolari permezz ta’ Finance Malta. Iż-żieda fin-numru ta’ kumpaniji ġodda – xejn anqas minn 10,000 kumpaniji ġodda reġistrati mal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji fl-aħħar tliet snin – huwa xhieda ta’ dan is-suċċess.
Il-Ministru Fenech spjega li dan huwa frott l-istabbilità ekonomika u finanzjarja ta’ pajjiżna li sserraħ moħħ l-investituri li jagħżlu li jespandu l-operat tagħhom f’Malta. Huwa spjega wkoll li l-Gvern qed isaħħaħ l-investiment tiegħu fl-edukazzjoni, bl-oġġettiv li jgħin lil aktar żgħażagħ jiksbu l-ħiliet neċessarji biex isibu postijiet tax-xogħol ta’ kwalità ogħla. “Bħalissa, hemm aktar minn 3,000 student fl-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni terzjarja li qed isegwu suġġetti marbuta ma’ finanzi. Aktar minn hekk, qed noffru numru ta’ scholarships, filwaqt li mijiet oħra qed isegwu korsijiet ma’ istituzzjonijiet privati u jgawdu tnaqqis mit-taxxa tali jkomplu jistudjaw permezz tal-iskema amministrata mill-Malta Enterprise, il-Get Qualified.”
Stqarrijiet Oħra:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017