Left arrow Mur Lura

DISKORS MILL-EĊĊELLENZA TIEGĦU DOTT. GEORGE ABELA, PRESIDENT TA’ MALTA WAQT IĊ-ĊERIMONJA TAL-GRADWAZZJONI ‘LEJLA TA’ SOLIDARJETÀ’ - SAN BLAS L/O ŻEBBUĠ - IL-ĦAMIS 5 TA’ LULJU 2012

pr1502
Date Icon 05/07/2012

Onorevoli Prim Ministru,
Onorevoli Ministri u Membri Parlamentari,
Onorevoli Joseph Muscat,,
Direttur u staff tal-Caritas,
Sinjuri mistiedna,
Għeżież gradwati,


Nistqarr magħkom li kont nippreferi ma nkunx hawn illejla.  Ngħid hekk mhux għax miniex kuntent li dawn il-gradwati temmew il-kors ta’ rijabilitazzjoni mid-dipendenza mid-droga jew għax ma napprezzax ix-xogħol enormi u fejjiedi tal-Caritas: xejn minn dan.  Kont nippreferi ma nkunx hawn għax ma jkollix għalfejn inkun hawn, għax inkunu qtajna ras il-pjaga tad-droga, għax inkunu rbaħna l-battalja kontra t-traffikar narkotiku.

Il-Monsinjur Grech fid-diskors tiegħu diġa’ kellimna fuq il-ħidma kbira tal-Caritas u tana statistika li turi fejn qegħdin.  Ikkonfermalna dak li ma xtaqniex nisimgħu – li l-konsum u t-traffikar tad-droga ma naqsux fl-aħħar erbgħa u għoxrin sena.  Il-Caritas u aġenziji oħra ħadmu kemm setgħu u ta’ dan nirringrazzjahom minn qalbi f’isem is-soċjetà kollha kemm hi.  Ħidmithom hija diffiċli u jagħmluha b’sens ta’ altruwiżmu u karità Kristjana.

Imma l-battalja mad-droga għadna ’l bogħod milli nirbħuha.  Id-droga għadha magħna, għadha tiġi importata, traffikata u mibjugħha.  Ħafna jgħidu, anki fuq il-mezzi ta’ komunikazzjoni, li min irid jixtri d-droga jaf fejn għandu jmur u jaf mingħand min għandu jixtri.  Jekk dan hu minnu, jistaqsu ħafna, allura kif jista’ jkun li dan it-traffiku jkompli daqshekk fil-miftuħ?  Jekk min qed jittraffika hu magħruf minn dawk li jakkwistaw id-droga f’pajjiż żgħir bħal tagħna, allura kif jirnexxilu jkompli b’dan in-negozju ta’ stmerrija?  Kif jista’ jkun, hemm min jistaqsi, li saħansitra f’ambjent relattivament ċirkoskritt u kontrollat, bħalma hi l-Facilità Korrettiva ta’ Kordin, anki hemm jingħad li jeżisti traffiku tad-droga?

Miniex ngħid li l-awtoritajiet ma jkollhomx suċċessi fl-arrest u l-prosekuzzjoni ta’ numru ġmielu ta’ traffikanti Maltin u barranin.  Spiss nismgħu li nqabdu persuni jimpurtaw jew imexxu d-droga u dan juri li qed isir xogħol diffiċli minn uffiċjali dedikati li qed iħalli riżultat.  B’danakollu, id-droga għadha disponibbli u numru allarmanti ta’ żgħażagħ għadhom jaqgħu fil-jasar qerriedi tagħha.

It-traffikar tad-droga mhux biss hu reat fih innifsu imma jagħti lok biex it-tossikodipendenti, biex isostni l-kilba inkontrollabbli għad-droga, jirrikorri għal reati oħra bħas-serq ħalli jsib il-flus biex jakkwista d-droga.  Hemm ukoll min jidħol fiċ-ċirku tal-prostituzjoni.  Id-droga, għalhekk tkabbar il-kriminalità fil-pajjiż.  Il-gwaj tad-droga għandu effetti soċjali u ekonomiċi inkalkolabbli.

Fejn morna ħażin?  Fejn stajna ħdimna aħjar u lqajna aktar għat-tixrid u l-abbuż mid-droga?  Fejn missna użajna aktar riżorsi fil-ġlieda kontra d-droga? Il-liġi tipprovdi għal pieni ħorox għal min jiġi misjub ħati ta’ reati konnessi mat-traffikar tad-droga imma ma jidhirx li dan gerrex biżżejjed lil min jistagħna minn fuq id-drogati.  X’jista’ jsir aktar jekk irridu li dan il-gwaj li għadu jeqred il-ħajja tal-persuni u ta’ familji sħaħ jiġi mnaqqas u, jekk hu possibbli, eliminat?

Id-drogat huwa vittma tad-dgħufija tiegħu li wasslitu li jaqa’ fuq id-dipendenza narkotika.  Hemm kunsens li jkun hemm differenza fil-pieni fejn jidħol konsum u fejn jidħol traffikar ta’ droga u dan hu rifless fid-dritt penali.  Wieħed jittama wkoll li d-drugs court jiffunzjona b’mod li jgħin biex id-drogat vittma jkun jista’ jirrijabilità ruħu.

Imma rridu fuq kollox nagħrfu aktar fuq l-edukazzjoni kontinwa u sostenuta biex iż-żgħażagħ tagħna ma jaqgħux għad-droga.  Irridu nkomplu ninsistu bla heda fl-iskejjel, fil-mezzi ta’ komunikazzjoni u, fuq kollox fi ħdan il-familji, li d-droga miex mezz ta’ divertiment, miex mezz biex min għandu xi problema eżistenzjali jsib rifuġju fiha.  Irridu nattakkaw mhux biss it-traffiku narkotiku imma wkoll id-domanda għad-droga.  F’kelma waħda, irridu niġġieldu l-marda imma, fl-istess ħin, nagħfsu aktar fuq il-prevenzjoni.  Hu aktar faċli li tipperswadi li wieħed ma jaqax għad-droga milli ssewwi l-ħsara fiżika, psikoloġika, soċjali u ekonomika li ġġib id-dipendenza fuq id-droga.

Illum kulħadd jaf il-ħsara u l-qirda li ġġib id-droga u b’danakollu għadna nsibu tfal, żgħażagħ u anki persuni ta’ età aktar matura li jinfexxu fid-droga jew biex ifittxu soluzzjoni falza għall-problemi tal-ħajja jew għax jaħsbu li bid-droga se jsibu xi sodisfazzjon li ma jsibux b’mezzi oħra.  Jeħtieġ li t-tfal u ż-żgħażagħ ngħallmuhom fuq il-valuri veri tal-ħajja umana.  Irridu nispiraw lit-tfal tagħna li l-ħajja ta’ min jgħixha u ta’ min jgħixha tajjeb.  Irridu nuruhom li wieħed irid jaħdem biex jirnexxi u li s-soċjetà toffrilu opportunitajiet biex jagħmel dan.  Għandna bżonn nisħqu fuq il-valuri konkreti li joffru x-xogħol, l-istudju, l-edukazzjoni, il-volontarjat, il-familja.  Jeħtieġ sforz kollettiv mis-soċjetà kollha – il-ġenituri, l-iskejjel, il-Knisja, is-sistema ġudizzjarja, l-aġenziji tas-servizzi soċjali, l-organizzazzjonijiet tal-volontarjat – biex nedukaw aktar li d-droga twassal għall-qerda u l-mewt.  Miniex ngħid li dawn li semmejt mhux qed jaħmlu sforzi kbar, anzi ta’ min ikun rikonoxxenti għax-xogħol li qed isir.  Imma forsi ma ninsistux biżżejjed bil-qawwa li dak li għandu valur fil-ħajja ma jiġix mix-xejn, li wieħed irid jistinka u jaħdem għalih qabel ma jiksbu.  Il-gratifikazzjoni istantanja li toffri d-droga hija biss illużjoni li ma twassal għal imkien ħlief għall-qerda.  Id-droga mhix xi ħolma sabiħa imma ħmar il-lejl ikrah.

Hemm min jissuġġerixxi li ċerta droga tiġi legalizzata.  Jiena miniex tal-fehma li dan għandu jiġi kkunsidrat u għalhekk naqbel ma’ Monsinjur Grech.  Diġa’ għandna droga legali li għandha effett fuq il-moħħ u li spiss tiġi abbużata u twassal għall-konsegwenzi koroh bħal inċidenti stradali u mwiet.  Dan huwa l-alkoħol.  Il-marijuana jew cannabis, li hi d-droga li hemm min jipproponi li tiġi legalizzata, ukoll għandha effett fuq il-moħħ u hemm evidenza li tista’ twassal għall-konsum ta’ droga agħar minnha.  Il-legalizzazzjoni aktarx tbaxxi l-prezz tad-droga, tagħmilha aktar aċċettabbli għas-soċjetà bir-riżultat li jkompli jiżdied il-konsum bir-riskju għas-saħħa li jġib miegħu.

Sustanzi psikotropiċi bħal dawn m’għandhiex bżonnhom is-soċjetà tagħna.  Mhumiex dawn is-sustanzi li se jtejbu s-saħħa tal-persuni jew jikkontribwixxu b’xi mod biex intellgħu ġenerazzjoni aktar responsabbli u li tikkontribwixxi għall-ġid komuni.  L-idea ta’ droga rikreattiva bħal din ma tagħmilx ġid.  Ir-rikreazzjoni m’għandhiex għalfejn issir billi wieħed inaqqas il-poter konjittiv tal-moħħ li jġib ir-riskju ta’ inċidenti serji għal min jikkonsma d-droga u għall-oħrajn.

Il-gradwati preżenti issa ġew riabilitati u jinsabu ħielsa mid-dipendenza fuq id-droga.  Il-pass li jmiss huwa r-riabilitazzjoni soċjali, l-integrazzjoni mill-ġdid fis-soċjetà għax dan hu l-pern li jipprovdi l-vera opportunità li jibdew ħajja produttiva għalihom, għall-familji tagħhom u għas-soċjetà u li jżommhom milli jerġgħu jaqgħu fil-vizzju tal-abbuż mid-droga.

L-integrazzjoni mill-ġdid fis-soċjetà hija essenzjali u dan il-kunċett hu validu mhux biss fil-każ tal-ex-drogati imma wkoll ta’ kull min b’xi mod jew ieħor sab ruħu emarġinat mis-soċjetà.  Hawnhekk nixtieq nirreferi għall-każ ta’ min weħel piena karċerarja u wasal biex jiskontaha u joħroġ barra.  Dawn id-detenuti wkoll iridu jippreparaw ruħhom biex mill-ġdid jintegraw sewwa fis-soċjetà u jsiru ċittadini produttivi u ma jsirux reċedivi.  Dawn il-persuni jeħtieġ ukoll li jiġu rkuprati mis-soċjetà li ma tista’ titlef lil ħadd mill-membri tagħha: kulħadd hu bżonnjuż u kulħadd jista’ jikkontribwixxi għall-ġid tiegħu nnifsu u għall-ġid komuni.

Għalkemm il-Caritas u xi għaqdiet volontarji, bħal Mid-Dlam għad-Dawl qed jagħmlu li jistgħu f’dan il-qasam (ta’ dan nirringrazzjahom), pajjiżna għad m’għandux struttura komprensiva mmexxija fuq linji professjonali moderni biex taffronta l-fattur ta’ numru sinifikanti ta’ detenuti li waslu biex joħorġu mill-Faċilità Korrettiva u jintegraw ruħhom fil-komunità.  Biex isir dan, jinħtieġu riżorsi umani u finanzjarji imma l-frott mistenni jiġġustifika l-investiment.

Jiena nixtieq nipproponi proġett li jeżisti f’pajjiżi oħra barranin bħal Programm “Exodus” ta’ Rotterdam, l-Olanda fejn fl-1980 fuq inizjattiva mill-Knejjes, fosthom il-Knisja Kattolika, infetħet “half way home” li setgħet takkomoda detenuti li waslu fl-aħħar fażi tas-sentenza tagħhom u jsegwu programm fejn jippreparaw irwieħhom biex joħorġu lura fis-soċjetà u jaqbdu ħajja ġdida, programm li jħarriġhom kif jiffaċċjaw il-ħajja, jibnu u jsaħħu l-karattru tagħhom u jibdew jaħsbu b’mod ġdid.  Il-proġett beda bil-volontieri imma mbagħad żviluppa b’mod professjonali tant li llum huwa rikonoxxut mill-Ministeru tal-Ġustizzja Olandiż.  Kull dar hija mmexxija minn bord u volontieri mis-soċjetà ċivili. 

Fil-qosor, il-programm jibda billi għal ġimgħatejn l-okkupanti tad-dar jibqgħu ġewwa u jitħallew joħorġu akkompanjati minn membri tal-istaff biex jaqdu xi bżonnijiet bħal pereżempju jirreġistraw għax-xogħol.  It-tliet xhur ta’ wara jkunu fażi ta’ orjentazzjoni – introspezzjoni fil-karattru tal-okkupant, tiftix għax-xogħol, konsiderazzjoni tal-problemi tiegħu bħal djun u relazzjonijiet personali.  Imbagħad erba’ xhur ta’ żvilupp u livell għola ta’ libertà.  Xahrejn oħra jitħarrġu dwar xogħol u konsolidazzjoni tas-sitwazzjoni finanzjarja.  Fl-aħħarnett, isir tiftix għal akkomodazzjoni indipendenti għal meta l-okkupant itemm is-sentenza.

L-Exodus hija mnebbħa mit-tradizzjoni Kristjana imma tilqa’ lil kulħadd.  Hi mezz prattiku kif id-detenut jiġi mgħejjun ħalli jgħin ruħu. Naħseb li dan il-proġett jista’ jkun ta’ eżempju għal pajjiżna.  Jista’ jkun, pereżempju, li d-Djoċezi Maltija jew xi ordni reliġjuż jagħmlu disponibbli xi bini tagħhom li mhux qed jiġi utilizzat b’mod effiċjenti ħalli proġett ta’ fejda bħal dan ikun jista’ jitwettaq .  Wara kollox, il-pedament ta’ dan il-proġett huwa wieħed ispirat mill-karità Kristjana u jkun ta’ ġid kemm għall-ex detenut u kemm għas-soċjetà, b’hekk  kulħadd għandu x’jirbaħ.

Nagħlaq dan l-intervent tiegħi billi nirringrazzja lill-Caritas tal-istedina li għamlitli u nirringrazzja lil kull min jaħdem fiha għall-ħidma tiegħu.  Nifraħ lill-gradwati u l-familjari għas-suċċess tagħhom u nawguralhom integrazzjoni kompleta fis-soċjetà mingħajr diffikultà.  Quddiemhom għandhom ħajja ġdida ta’ saħħa mentali u fiżika li tippermettilhom ifittxu opportunitajiet ġodda.

Nirringrazzjakom.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Tittella’ konferenza nazzjonali li tqajjem aktar għarfien u azzjoni kontra l-vjolenza domestika

PR262018

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

Aktar Stqarrijiet Right arrow