JIBDA X-XOGĦOL TA’ RESTAWR FUQ IL-FORTI SANT IERMU
Fil-ġranet li għaddew beda x-xogħol ta’ restawr fuq il-Forti Sant Iermu. Dan huwa proġett illi qed jiġi implimentat mill-Grand Harbour Regneration Corporation u stmat li ser jiswa ‘l fuq minn 15-il miljun Ewro. Din l-ispiża hi maqsuma f’xogħlijiet ta’ restawr u infrastruttura ġenerali b’nefqa ta’ ‘l fuq minn 10 miljun Ewro, żvilupp, disinjar u trasformazzjoni ta’ diversi binjiet f’mużewijiet b’nefqa ta’ madwar 3.3 miljun Ewro u xogħlijiet u servizzi oħra anċillarji b’nefqa ta’ madwar 2 miljun Ewro.
Il-proġett se jkun qed isir fil-parti ta’ fuq jiġifieri fil-Forti u fil-parti tas-swar u s-swar li jdawwru l-forti minn naħa ta’ġewwa magħrufa bħala l-Enciente.
Sant Iermu hija sistema ta’ fortifikazzjoni. Kienet ukoll magna tal-gwerra li ġiet addatata u aġġornata tul iż-żminijiet skond l-arti u xjenza tal-gwerra ta’ dak iż-żmien.
Dawn l-istrutturi kollha fuq medda ta’ kwazi 40,000 metru kwadru ser jiġu restawrati. Dan jinkludi strutturi ta’ żmien il-kavalieri kif ukoll strutturi aktar riċenti ta’ żmien l-Ingliżi. Fil-fatt il-binjiet li jeżistu f’din il-forti saru f’diversi fażijiet bejn l-1400 u l-1979.
Il-proġett ser jipprovdi għal tliet faċilitajiet orientati għall-viżitatuti kemm Maltin kif ukoll barranin. Dawn se jkunu jkopru binjiet iddedikati għal; mużew tal-gwerra, parti fuq l-istorja tal-Belt Valletta u parti miftuħa li tkopri mixja mad-dawra tal-fortifikazzjoni (ramparts walk).
Il-Mużew tal-gwerra se jkun qed jirrakonta l-istorja militari ta’ Malta minn żmien il-preistorja sa llum u ser ikun integrat f’ dan il-mużew il-ġdid. Il-mużew mhux ser ikun f’binja waħda imma se jkun mifrux f’diversi binjiet li hawn fil-forti, b’kull binja tkopri tema partikolari per eżempju żmien medjevali, żmien il-Kavalieri, żmien l-assedju, żmien l-Ingliżi u oħrajn. L-iskop ta’ dan it-tfassil hu li kull viżitatur jkun jista’ jimxi ma’ l-istorja u jara b’għajnejh iż-żminijiet differenti li għadda minnhom dan il-forti u pajjiżna.
Il-mixja tul id-dawra tas-swar se tkun qed tibda minn ħdan is-Sacra Infermeria u tkompli ddur id-dawra sakemm tasal sa ħdejn il-War Musuem. Tul din il-mixja li se tkun ta’ madwar 700 metru, il-viżitatur ikun jista’ igawdi veduti tal-Port il-Kbir kif ukoll tal-Port ta’ Marsamxett. Ser ikun jista’ japprezza wkoll id-diversi strutturri ta’ difiża tul il-fortifkazzjonijiet u partijiet oħra storiċi li sa llum mhumiex aċċessibli u li permezz tal-proġett dawn se jsirulhom l-interventi meħtieġa sabiex jkunu aċċessibli b’mod san u sikur.
Ta’ min ifakkar l-importanza strateġika tal-forti li tiddefendi l-entraturi ta’ żewġ portijiet, kienet propju minħabba l-importanza strateġika tagħha li din il-forti kellha rwol tant kruċjali tul l-istorja l-aktar fl-Assedju l-Kbir u fit-Tieni Gwerra Dinjija.
Din il-mixja ser tkun miftuħa għall-pubbliku in ġenerali – bl-għan prinċipali li kull minn jiġi ser ikun jista’ jgawdi din l-arja u dawn il-veduti imprezzabli.
Il-proġett ġie mfassal mill-GHRC b’konsultazzjoni ma’ Heritage Malta b’mod partikolari t-tfassil tal-użu tal-forti u l-binjiet peress li Heritage Malta se jkun qed jieħdu ħsieb l-operat tal-forti wara li jitlesta l-proġett. Il-perit tal-proġett huma mill-kumpanija Demicoli & Associates.
Il-proġett qed jiġi finanzjat 85% minn fondi tal-European Regional Development Fund bil-bqija finanzjati mill-gvern Malti. Il-proġett hu stmat li jitlesta fl-aħħar tas-sena 2014.
Din hija ħolqa oħra fil-viżjoni tal-Gvern għar-riġenerazzjoni tal-Belt Valletta kif ukoll il-port il-Kbir u l-port ta’ Marsamxett. Bil-poġett ta’ Sant Iermu l-Gvern qed jestendi r-riġenerazzjoni tal-Belt għan-naħa t’isfel tal-Belt.
Proġett ieħor li qed isir mill-ħaddiema Maltin (madwar 30 f’dan l-stadju) u li ser joħloq aktar spazji għat-tgawdija tal-familji tagħna (Ramparts walk- Public space).
Proġett ieħor li ser joħloq iżjed xogħol, kif ukoll attrazzjoni turistika ġdida fil-Port l-Kbir, bil-benefiċji ekonomiċi kollha li proġett bħal dan joħloq.
Ta’ min isemmi li numri ta’ proġetti oħrajn li għaddejin bħalissa biex itejbu l-aċċessibilità tal-Belt, bħal:
• Lift tal-Barrakka
• Estenzjoni taż-żona pedonali (u pavimentar ta’ dawn it-toroq)
• Is-servizz tal-Ferries li ser jibda dalwaqt minn Marsaxett u l-Port l-Kbir, kif ukoll servizz ta’ water taxis minn dawn iż-żewġ portijiet
• Bus Terminus ġdid li hu aktar ‘passenger friendly’ kif ukoll servizz tat-trasport mad-dawra tal-Belt, u Park & Ride mill-Furjana
• Car Park ġdid fix-xagħra tal-Furjana
B’dawn l-inizjattivi, flimkien ma’ proġetti oħrajn li għaddejin bħalissa, il-Gvern ser jagħti lura l-Belt il-gieħ li jisħoqqilha biex meta l-Belt Valletta tkun waħda mill-Bliet Kulturali Ewopea fil-2018, tkun verament Belt dinjituża, li tagħmel unur lill-Maltin kollha.
Huwa stmat illi dan il-proġett ser jiġġenera madwar 28 post tax-xogħol ġdid meta l-mużew u l-faċilitajiet varji jibdew joperaw. Apparti minn hekk, matul ix-xogħlijet ser ikun hemm medja ta’ 70 ħaddiem jaħdmu fuq is-sit tul is-sentejn li ġejjin.
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017