Left arrow Mur Lura

IL-FONDAZZJONI ĦAJJA INDIPENDENTI TLESTI PROĠETT TA’ 10 APPARTAMENTI FIN-NAXXAR

pr1495
Date Icon 04/07/2012

Il-Gvern hu impenjat li jestendi s-servizzi residenzjali u jgħin biex persuni b’diżabilita’ jibqgħu jgħixu ħajja indipendenti fil-komunita’.  Bħalissa l-Gvern qed jgħin direttament biex 179 persuna b’diżabilita’ qed jingħataw servizzi residenzjali u qed jgħixu f’31 dar differenti fil-komunita’.  Minn dawn 139 persuna b’diżabilita’ fiżika jew intellettwali qed jieħdu servizzi residenzjali fi 15-il dar differenti mmexxija bi sħab bejn il-Gvern, l-Aġenzija Sapport jew numru ta’ NGOs.  37 persuna li għandhom diżabilita’ kkawżata minn problemi ta’ saħħa mentali qed jieħdu servizzi residenzjali f’16-il dar differenti offruti mill-Awtorita’ tad-Djar lil Richmond Foundation u lill-Isptar Monte Carmeli.

Il-Gvern bħalissa qed jgħin biex fix-xhur li ġejjin jinfetħu ħamest’idjar residenzjali oħra fil-komunita’. Filwaqt li l-Aġenzija Sapport se tiftaħ żewġt’idjar f’Birżebbuġa, id-Dar tal-Provvidenza se tiftaħ waħda fil-Qawra.  Dar il-Wens u Dar Pirotta se jiftħu dar residenzjali ġdida  kull wieħed f’lokalitajiet differenti.

Id-dettalji ngħataw mill-Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja Chris Said waqt żjara li għamel fir-residenza ‘Notre Dame’ li tinsab fil-qalba tan-Naxxar. Il-proġett ‘Notre Dame’ hu mmexxi mill-Fondazzjoni Ħajja Indipendenti u jikkonsisti f'għaxar appartamenti ppjanati, mibnija u mgħammra għall-bżonnijiet ta' persuni esklussivament bi bżonnijiet fiżiċi speċjali. Il-binja tinkludi swimming pool, u żoni komuni fuq barra u fuq ġewwa sabiex ir-residenti jkunu jistgħu iqattgħu ħin flimkien. Il-proġett kważi tlesta u tlieta mill-appartamenti diġa' huma allokati filwaqt li s-sebgħa l-oħra qed jiġu offruti bi prezz mhux kummerċjali.

Il-fundatriċi tal-Fondazzjoni Ħajja Indipendenti Connie Camilleri qalet li dawn l-appartamenti inbnew minflok ir-residenza antika tal-familja tagħha.  Hi qalet li d-disinn ta' dawn l-appartamenti sar wara diversi esperjenzi barra minn Malta, fejn rat diversi faċilitajiet li jistgħu jkunu siewja. Infatti, l-appartamenti huma mgħammra b'faċilitajiet li jilħqu l-aspettattivi u l-bżonnijiet ta' min għandu diżabilita’ fiżika. Fost l-oħrajn l-għamara u l-kmamar tal-banju huma magħmula biex ikunu aċċessibbli anki minn persuni li jużaw siġġu tar-roti. 

Il-Fondazzjoni Ħajja Indipendenti twaqqfet fl-1991. L-għan ewlieni tagħha hu li tippromwovi għixien indipendenti fost persuni b’nuqqas ta’ mobilità. Il-Fondazzjoni għandha l-uffiċċju ewlieni tagħha f’Ħal Balzan, fejn persuni b’diżabilità jistgħu jaraw, jispezzjonaw u jippruvaw tagħmir speċjali li huwa utli għalihom sabiex iwettqu l-attivitajiet tagħhom ta’ kuljum.

Connie Camilleri qalet li l-Fondazzjoni għandha l-għan li tipprovdi appoġġ u għajnuna lil persuni b’diżabilitajiet diversi u lill-familji rispettivi tagħhom sabiex jgħixu kwalità ta’ ħajja aħjar; tipprovdi pariri dwar id-disinn strutturali adattat li jiffaċilita u jimmassimizza l-aċċess; tipprovdi tagħmir adattat bħal sodod, siġġijiet tar-roti, frames tal-mixi eċċ. bi prezz baxx; u tipprovdi trasport aċċessibbli bis-siġġijiet tar-roti għall-iskejjel, università, xogħol, xiri u okkażjonijiet soċjali oħra.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Tittella’ konferenza nazzjonali li tqajjem aktar għarfien u azzjoni kontra l-vjolenza domestika

PR262018

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

Aktar Stqarrijiet Right arrow