XAHAR IEĦOR REKORD FIT-TURIŻMU
Wara li April li għadda kien xahar rekord fit-turiżmu, minn ċifri ppubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika llum jirriżulta li anke Mejju hu xahar ieħor rekord. F’Mejju waslu Malta 133,659 turist, li huwa l-ogħla numru ta’ turisti li qatt żaru Malta fix-xahar ta’ Mejju fl-istorja tat-turiżmu ta’ pajjiżna.
Dawn qattgħu 1,001,255 lejl f’Malta, li huwa wkoll l-ogħla numru ta’ ljieli li turisti qattgħu Malta fix-xahar ta’ Mejju fl-istorja tat-turiżmu. Dawn it-turisti nefqu €109.7 miljun. Dawn iċ-ċifri juru żieda ta’ 3,304 (+2.5%) fuq it-totalità tat-turisti li waslu Malta fl-istess xahar is-seaa l-oħra; żieda ta’ 107,911 (+12.1%) fuq it-totalità ta’ iljieli li qattgħu Malta, u żieda ta’ €2.9 miljun (+2.8%) fin-nefqa fuq l-istess xahar is-sena l-oħra.
Ċifri ppubblikati mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta juru li x-xahar ta’ Ġunju kien ukoll xahar rekord għall-MIA. F’Ġunju ta’ din is-sena għaddew mill-ajruport ta’ Malta 374,770 passiġġier, li hu l-ogħla numru ta’ passiġġieri li qatt użaw l-ajruport fix-xahar ta’ Ġunju minn kemm ilu jopera l-ajruport ta’ Malta. Dawn iċ-ċifri juru żieda ta’ 28,885 passiġġier (+8.4%) fuq l-istess xahar is-sena l-oħra. L-istess ċifri tal-MIA juru li fl-ewwel sitt xhur tas-sena għaddew mill-ajruport 1.58 miljun passiġġier li hu l-ogħla numru qatt reġistrat ta’ passiġġieri li għaddew mill-ajruport ta’ Malta għall-istess perijodu.
Dan juri li din is-sena x-xhur ta’ April, Mejju u Ġunju huma kollha xhur rekord.
Ir-riżultati pożittivi li nkisbu f’dawn l-aħħar tliet xhur huma frott il-ħidma tal-Gvern, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu flimkien mal-istakeholders biex insaħħu l-aċċessibbilità għal pajjiżna. Fil-fatt in-numru ta’ rotot lejn pajjiżna żdiedu minn 56 fl-2008 għal 81 din is-sena.
Dan it-titjib hu ukoll riżultat ta’ żieda fil-promozzjoni mill-MTA l-aktar fi bliet u żoni minn fejn bdew jitħaddmu rotot ġodda u anke ta’ titjib fil-prodott xprunat mill-Gvern permezz tad-diversi proġetti infrastrutturali, ta’ restawr u tisbiħ li qed jitwettqu mal-pajjiż kollu. Titjib fil-prodott li ġie sostnut mis-settur privat li jifhem li biex inħajjru iżjed turisti lejn pajjiżna rridu noffru l-aħjar.
Il-Gvern hu konxju li t-turiżmu hu wieħed mit-tliet setturi li fuqhom tistrieħ l-ekonomija ta’ pajjiżna. Għalhekk f’dawn iż-żminijiet ta’ kriżi finanzjarja u ekonomika li qed tolqot lill-pajjiżi Ewropej, l-aktar lil dawk li minnhom jiġu l-akbar numru ta’ turisti minnhom, il-Gvern qed iżid l-isforzi tiegħu biex mhux biss inżommu dak li ksibni tul l-aħħar snin, iżda wkoll inkabbruh.
Stqarrijiet Oħra:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017