Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL- MINISTERU TAL-ĠUSTIZZJA, KONSULTAZZJONI PUBBLIKA U L-FAMILJA

pr1488
Date Icon 04/07/2012

Il-Fond ta’ Ko-Finanzjament tal-Kunsilli Lokali: l-Oppożizzjoni tipprova tqarraq

Il-Ministeru tal-Ġustizzja, l-Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja jiċħad bil-qawwa kollha l-qlajjiet li qed ixandar il-kelliem tal-Malta Labour Party għall-Kunsilli Lokali Stefan Buontempo li permezz tagħhom qed jagħti x’jifhem li l-Fond ta’ Ko-Finanzjament għall-Kunsilli Lokali m’għadux jiffunzjona. Lanqas mhu veru li l-Gvern ikkomunika mal-Kunsilli Lokali b’mod formali biex javżahom li dan il-Fond ta’ Ko-Finanzjament twaqqaf ħesrem.

Tant l-Oppożizzjoni ma tafx x’inhu jiġri li l-Fond tal-Ko-Finanzjament tal-Kunsilli Lokali huwa amministrat mill-Ministeru tal-Konsultazzjoni Pubblika, li hu responsabbli direttament mill-konsultazzjoni u mill-informazzjoni dwar l-affarijiet tal-Unjoni Ewropea, u mhux mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

Il-fatti huma kif spjegati fi stqarrija maħruġa nhar it-Tnejn 2 ta’ Lulju 2012, jiġifieri jumejn ilu.  Barra minn hekk fil-jiem li għaddew il-Kumitat li jmexxi l-Fond ta’ Ko-Finanzjament tal-Kunsilli ikkomunika ma’ entitajiet lokali biex iħabbrilhom li l-flus li ġew kommessi lilhom se jingħataw kif ippjanat. Dan ikompli jikkonferma kemm il-kelliem ewlieni tal-MLP Stefan Buontempo qed jipprova jqarraq jew inkella ma jafx x’inhu jiġri.

Il-Gvern itenni l-impenn tiegħu li jkompli jgħin aktar Kunsilli Lokali fit-twettiq ta’ proġetti b’finanzjament Ewropew li permezz tagħhom itejbu l-kwalita’ tal-ħajja tar-residenti tagħhom.  Dan se jibqa’ jagħmlu bil-Fond ta’ Ko-Finanzjament għall-Kunsilli Lokali billi jgħaddilhom għajnuna finanzjarja li tkun tkopri parti sostanzjali mis-sehem li jkunu jridu joħorġu huma sabiex iwettqu l-proġett b’suċċess.  Se jibqa’ jagħmlu wkoll permezz tal-MEUSAC li joffri għajnuna teknika b’xejn, lill-Kunsilli Lokali u lill-NGOs, fit-tfassil u fil-preżentazzjoni ta’ proġetti fl-istadju ta’ applikazzjoni għall-fondi mill-Unjoni Ewropea.

Il-Gvern ifakkar li bejn l-2009 u l-2011, il-Gvern għen billi għadda madwar miljun ewro sabiex jgħin fit-twettiq ta’ 50 proġett tal-Kunsilli Lokali li għalihom inkisbu mat-€18-il miljun mill-programmi Ewropej. Li kieku ma kienx għall-Fond ta’ Ko-Finanzjament ħafna minn dawn il-proġetti setgħu intilfu u b’hekk Malta setgħet titlef €18-il miljun.  Fil-budget tal-2012 kienu vvutati nofs miljun ewro oħra għal dan il-Fond ta’ Ko-Finanzjament. 

Is-suċċess tal-Fond ta’ Ko-Finanzjament jitkejjel mill-fatt li matul l-2011 kien hemm numru ta’ applikazzjonijiet rekord u li kienu jinkludu proġetti minn Kunsilli Lokali li kienu qed japplikaw għall-ewwel darba. L-Assoċjazzjonijiet tal-Kunsilli Lokali ngħatat għajnuna biex twettaq 10 proġetti b’fondi tal-UE. S’issa gawdew ukoll 22 Kunsill Lokali u t-tliet Gruppi ta’ Azzjoni Lokali (Majjistral, Xlokk u Għawdex) li bejniethom jirrappreżentaw lill-maġġoranza assoluta tal-Kunsilli Lokali.  Madanakollu, bħal f’kull fond jew skema oħra ta’ dan it-tip, mhux kull min japplika hu assigurat li se jingħata l-fondi.

Min-naħa tiegħu il-Gvern jassigura lil kulħadd li se jibqa’ juża l-Fond ta’ Ko-Finanzjament tal-Kunsilli Lokali għall-iskop oriġinali tiegħu u hemm biżżejjed flus biex ikunu onorati l-impenji kollha. Se jibqgħu jiġu megħjuna proġetti ġodda wkoll.

Il-Gvern ifakkar lill-entitajiet kollha li sabiex jingħataw il-pagamenti dovuti lilhom iridu jimxu mar-regolamenti u jsegwu l-linji gwida provduti lilhom fosthom billi jippreżentaw l-informazzjoni kollha mitluba minnhom. Fuq kollox l-entitajiet li jakkwistaw fondi għal aktar minn proġett wieħed iridu jkunu f’qagħda li jassiguraw li għandhom biżżejjed riżorsi biex iħaddmu dawn l-istess fondi b’suċċess. 

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Tittella’ konferenza nazzjonali li tqajjem aktar għarfien u azzjoni kontra l-vjolenza domestika

PR262018

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

Aktar Stqarrijiet Right arrow