DISKORS MILL-ONOR. STEPHEN SPITERI, ASSISTENT PARLAMENTARI FIL-MINISTERU TAL-EDUKAZZJONI U X-XOGĦOL, F’JUM IL-GRADWAZZJONI TAL-ISKOLA SEKONDARJA TAL-BNIET TAL-KULLEĠĠ ST. THOMAS MORE – SANTA LUĊIJA – IT-TLIETA 3 TA’ LULJU 2012
L-iżvilupp ta’ pajjiżna jiddependi għal kollox fuq l-iżvilupp u l-kontribut tal-potenzjal ta’ kull ċittadin. L-iżvilupp tal-potenzjal taċ-ċittadin jintlaħaq permezz ta’ sistema edukattiva ta’ kwalità u standards internazzjonali. Għalhekk il-Gvern qiegħed l-edukazzjoni u t-taħriġ bħala bażi fundamentali għat-tkabbir ekonomiku sostenibbli ta’ pajjiżna.
Matul dawn l-aħħar għoxrin sena pajjiżna għamel qabżiet kbar fil-qasam edukattiv permezz ta’ riformi fundamentali f’kull qasam u livell li wasslu biex kabbru l-għadd ta’ studenti li jkomplu jistudjaw u jitħarrġu wara l-edukazzjoni obbligatorja kemm fil-qasam primarjament akkademiku kif ukoll fil-qasam professjonali u vokazzjonali.
Intom studenti li temmejtu l-edukazzjoni obbligatorja tagħkom, għamiltu l-eżamijiet tas-SEC u qed tistennew ir-riżultati biex wieħed jittama li tkomplu bl-istudji tagħkom.
Illum hawn minjiera ta’ opportunitajiet varji li l-pajjiż qed joffri lil kull min jixtieq ikompli jistudja u jitħarreġ biex jakkwista l-għerf, il-ħiliet u l-kompetenzi għal xogħol flimkien ma’ karriera li tagħti sodisfazzjon personali lill-individwu.
Qatt daqs illum ma kellna għażla daqshekk vasta ta’ korsijiet fil-livell post-sekondarju u terzjarju. Qatt daqs illum ma kellna firxa ta’ korsijiet f’kull livell u qasam ta’ edukazzjoni akkademika u taħriġ professjonali u vokazzjonali.
Dan seta’ jiġri għaliex, għal aktar minn għoxrin sena, il-Gvern investa bil-qawwi fl-istituzzjonijiet edukattivi f’kull livell. Ittrasforma u aġġorna s-sistema edukattiv f’kull qasam u livell wara studji li saru minn professjonisti prattikanti flimkien ma’ akkademiċi, u wara konsultazzjonijiet vasti ma’ kull min kellu interess (stakeholders), inklużi l-ġenituri, l-industrija, il-kummerċ u s-servizzi, bil-għan li jkollna sistema edukattiv u ta’ taħriġ li mhux biss twassal ghall-akkwist ta’ kompetenzi, iżda wkoll li tissodisfa il-ħiliet meħtieġa mill-ekonomija li qed tinbidel b’pass mgħaġġel f’kompetizzjoni dinjija mingħajr rażan u bla fruntieri.
Irridu infehmu u ninsistu li l-edukazzjoni obbligatorja twassal biss biex tagħti sisien fondamentali ta’ ħiliet bażiċi biex student jibni fuqu fil-livell ta’ edukazzjoni sekondarja ogħla u terzjarja, kemm akkademika, professjonali u vokazzjonali. Il-Gvern jirrikonoxxi l-importanza tal-edukazzjoni obbligatorja u għalhekk qegħdin nieħdu diversi miżuri biex nassiguraw li ebda student ma jtemm l-edukazzjoni obbligatorja mingħajr ma jkun akkwista l-ħiliet meħtieġa li permezz tagħhom ikun jista’ jkompli jisfrutta l-potenzjal tiegħu – biex intom tkunu tistgħu tirnexxu lkoll. Irridu adoloxxenti li jaħsbu, li jħaddmu l-immaġinazzjoni, li jiddiskutu, li kapaċi jsolvu problemi, li jitgħallmu kif jitgħallmu weħidhom, li jaħdmu b’mod indipendenti, li jaħdmu f’tim, li huma stimulati u kreattivi.
Il-Gvern qed jassikura li kull żagħżugħ u żagħżugħa jsib il-kors fil-qasam ta’ studju u taħriġ skont ix-xeħtiet tiegħu, skont l-aspirazzjonijiet tiegħu, skont il-potenzjal tiegħu. Il-Gvern qed jassigura li kull student jista’ jagħżel il-livell ta’ edukazzjoni u taħriġ skont l-abbiltà u l-kwalifiki li jkun akkwista fi tmiem l-edukazzjoni obbligatorja.
Dan ifisser li intom l-istudenti tistgħu tagħżlu li tmorru l-Junior College jew il-Higher Secondary jekk tixtiequ li tagħmlu karriera akkademika u ssiru għalliema, tobba, periti, avukati, nutara, accountants u professjonijiet simili. Jew inkella tistgħu tmorru l-MCAST biex tagħmlu karriera vokazzjonali, bħal ngħidu aħna tibdew taħdmu fil-qasam tal-manutenzjoni tal-ajruplani, fil-qasam tal-produzzjoni tal-mediċini, xi vokazzjoni li għandha x’taqsam mal-kura, mal-arti, id-disinn, l-agrikoltura, il-kummerċ u oqsma oħra. Jew tistgħu tmorru wkoll l-Istitut għall-Istudji Turistiċi u tagħmlu karriera fil-qasam tat-turiżmu jew l-ospitalità.
Illum nitkellmu fuq Tagħlim Tul il-Ħajja. L-istituzzjonijiet edukattivi f’kull livell mistennija jkunu strumentali għat-Tagħlim Matul il-Ħajja bħalma l-għalliema f’kull livell u qasam għandhom ikunu wkoll mudelli ta’ Tagħlim Matul il-Ħajja għall-Istudenti tagħhom.
Jolqtok ħafna l-fatt li persentaġġ kbir ta’ studenti mhux qed ikunu sodisfatti bl-akkwist tal-ewwel grad biss iżda qed jistudjaw għal grad ta’ Masters u anke għal Dottorat. Il-Gvern qed joffri scholarships kull sena għall-akkwist ta’ gradi universitarji, kemm fl-università ta’ Malta kif ukoll f’universitajiet barranin, l-aktar f’korsijiet speċjalizzati li mhumiex offruti f’Malta. Fil-fatt, mijiet ta’ studenti qed jistudjaw barra minn Malta kull sena. Il-maġġoranza l-kbira tagħhom jerġgħu lura Malta biex jarrikkixxu l-istituzzjonijiet edukattivi ogħla kif ukoll il-professjonijiet. L-MCAST ukoll qed joffri korsijiet li jwasslu għal grad ta’ edukazzjoni u taħriġ f’livell terzjarju biex anke ż-żgħażagħ li jagħżlu direzzjoni vokazzjonali jkunu jistgħu jilhqu l-potenzjal tagħhom u fl-istess ħin ikompli jiżdied l-għadd ta’ gradwati.
Ma jistax ma jkunx osservat li spiċċa ż-żmien meta studji f’livelli terzjarji kienu esklussivi għall-elit tas-soċjetà, għal ulied il-professjonisti jew familji tat-tajjeb. L-istudenti fil-livell terzjarju ġejjin minn kull settur soċjali li jikkonferma li matul dawn l-aħħar għoxrin sena waqqajna l-barrieri u żviluppajna sistema edukattiv inklussiv fis-sens l-aktar wiesgħa. Nawgura li intom tkun fost dawk li jkomplu bl-istudji tagħhom.
Stqarrijiet Oħra:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017