LAQGĦA MA’ STUDENTI REBBIEĦA FIS-SCIENCE WEEK TAL-NSTF
Il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol Dolores Cristina dal-għodu kellha laqgħa ma’ numru ta’ studenti li rebħu premjijiet fis-Science Week organizzata min-National Students Travel Foundation. L-istudenti kienu akkumpanjati mill-għalliema tagħhom kif ukoll minn Francis Stivala Chairman tal-NSTF u Karl Agius responsabbli mis-Science Week.
Il-Ministru ferħet lill-istudenti li l-imħabba tagħħom lejn ix-xjenza wasslitħom mhux biss biex ipparteċipaw fil-Fiera tax-Xjenza li kull sena torganizza l-NSTF imma ukoll huma rebbieħa f’kompetizzjonijiet li saru waqt l-istess Fiera.
Hi qalet li l-pajjiż għandu bżonn ħafna aktar studenti żgħażagħ biex jidħlu għall-istudju tas-suġġetti tax-xjenza u fil-fatt il-Ministeru tal-Edukazzjoni fassal strateġija maħsuba biex inressqu aktar studenti lejn dawn is-suġġetti biex jibqgħu jistudjawhom f’livelli ogħla.
Fl-edukazzjoni dwar ix-xjenza l-isfida kbira li għandna quddiemna hi li nsibu l-mod kif l-istudju tax-xjenzi nagħmluh esperjenza pożittiva u ta’ valur li tgħin lil min qed jitgħallem jagħmel deċiżjonijiet infurmati biex intejjbu l-kwalita’ tal-ħajja tagħna.
Għad hawn ħafna studenti li kważi jibżgħu mill-istudji tax-xjenza għax għandhom l-impressjoni li dawn huma suġġetti tqal ħafna u mhux se jkunu kapaċi jaqbduhom sew. Il-verita’ hi li dawn mhux suġġetti aktar tqal minn suġġetti oħra. Iżda rridu nsibu l-mod kif inwassluhom b’mod li jinftiehem aktar u li l-istudenti isibuhom interessanti kif verament huma.
Fl-aħħar sentejn il-Gvern kompla jinvesti fil-laboratorji tax-xjenza fl-iskejjel kollha tiegħu bl-introduzzjoni ta’ apparat ġdid li jgħin biex jagħmel it-tagħlim ta’ dawn is-suġġetti esperjenza pjaċevoli.
Fir-reviżjoni tal-Kurrikulu Nazzjonali is-suġġetti tax-xjenza se jingħataw importanza akbar u fil-fatt tfasslet wkoll Strateġija għall-Istudji tax-Xjenza.
Il-Ministru qalet li anke fil-livell Post-Sekondarju qed jissaħħaħ l-istudju ta’ dawn is-suġġetti. Fl-MCAST twaqqaf Istitut ġdid tal-Applied Sciences. Fl-Universita’ qed inkabbru l-bini u ninvestu f’aktar apparat għall-Fakulta tax-Xjenza filwaqt li l-Gvern qed jinvesti miljuni kbar oħra fil-Life Sciences Park li qed tinbena ftit il-bogħod mill-Universita’ u mill-Isptar Mater Dei.
Dan kollu mistenni jwassal biex ikollna nies imħarrġa apposta fix-xjenza biex jaħtfu l-opportunitajiet kbar ta’ xogħol li se jinħolqu f’dan il-qasam partikolari, kif diġa’ bdejna naraw.
Il-Ministru Cirstina saħqet fuq il-ħtieġa li nħajru studenti minn eta’ żgħira biex jersqu lejn dawn is-suġġetti. Għalhekk il-Fiera tax-Xjenza organizzata mill-NSTF hi inizjattiva li għandha l-appoġġ sħiħ tal-Ministeru tal-Edukazzjoni għax hi opportunita biex tressaq ix-xjenza lejn l-istudenti.
Hi ħadet l-okkażżjoni biex filwaqt li rringrazzjat lill-NSTF li kull sena jorganizzaw il-Fiera tax-Xjenza u ferħet lill-istudenti li diġa’ qed juru li x-xjenza hi suġġett għal qalbhom ħafna u ħeġġet aktar studenti biex jimxu fuq il-passi tagħhom.
Stqarrijiet Oħra:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017