STQARRIJA MILL-MINISTERU TAL-FINANZI, EKONOMIJA U INVESTIMENT
L-ekonomija Maltija qed toħloq aktar xogħol b’pagi aħjar - Stqarrija b'risposta għall-Istqarrija tal-Uffiċċju tal-Komunikazzjoni tal-Partit Laburista
L-ekonomija Maltija qed toħloq aktar attività ekonomika li qed tissarraf f’xogħol b’pagi aħjar – dan jirriżulta minn ċifri differenti ppubblikati dwar l-oqsma tax-xogħol, l-investiment, l-esportazzjoni u l-pagi, kemm mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika kif ukoll mill-Eurostat.
Minkejja dan, l-Oppożizzjoni tehda tpinġi stampa negattiva tal-ekonomija ta’ pajjiżna – u b’hekk tgerrex l-investiment u l-ħolqien tal-impjiegi.
Ħadd mill-Gvern m’hu qed ipoġġi fid-dubju l-istatistika ppubblikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika.
Madankollu l-istatistika m’għandhiex tiġi interprepata at face value biss, iżda fid-dettall li hija stess tinkludi. Dan hu l-każ tal-istatistika dwar it-tkabbir ekonomiku ppubblikata mill-NSO, li filwaqt li għall-ewwel kwart tas-sena turi tnaqqis marġinali ta’ 1%, meta wieħed iħares lejn is-setturi speċifiċi tal-ekonomija Maltija, dawn, fil-parti l-kbira, juru tkabbir. Dawn jinkludu s-settur tas-servizzi finanzjarji, setturi professjonisti u tekniċi, is-settur tar-real estate, u s-settur tal-komunikazzjoni u l-informazzjoni fost l-oħrajn.
Dak li wassal biex minkejja dan xorta l-ekonomija Malta statistikament turi tnaqqis, kien l-impatt fuq l-esportazzjoni fl-ewwel jiem tas-sena ta' kumpanija ewlenija kif ukoll id-deċiżjoni tal-Gvern li jassorbi ż-żidiet fil-prezzijiet internazzjonali taż-żejt biex assigura li m’għolewx il-kontijiet għall-familji u n-negozji.
Aktar minn hekk, statistika aktar riċenti turi li fl-ewwel kwart tas-sena kien hemm żieda ta’ aktar minn 3,000 post tax-xogħol, żieda fil-pagi, żieda fl-esportazzjoni u żieda fl-investiment. Dawn huma fatturi li jseħħu meta ekonomija ta’pajjiż tkun qed tikber u toħloq il-ġid.
Ir-rendiment ekonomiku ta’ pajjiżna ma jiċċertifikahx il-Gvern iżda l-investituri privati – kbar u żgħar, lokali u barranin, li qed jibqgħu juru fiduċja f’pajjiżna, qed jinvestu aktar u joħolqu x-xogħol. Dan qed tirrikkonixh anke l-Kummissjoni Ewropea li li f’rapport dwar il-qagħda ekonomika u finanzjarja poġġiet lil Malta f’grupp ristrett ta’ 11-il pajjiżi li ma kienux jeħtieġu miżuri korrettivi.
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017