Left arrow Go Back

637 ŻGĦAŻUGĦ U ŻGĦAŻUGĦA JIPPARTEĊIPAW FIL-KUNSILLI LOKALI TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ FL-AĦĦAR TLIET SNIN

pr1466
Date Icon 30/06/2012

It-tielet edizzjoni ta’ dan il-proġett tintrebaħ mill-Kunsilli Lokali taż-Żgħażagħ tan-Naxxar, tas-Siġġiewi u ta’ Pembroke

Il-Kunsill Lokali taż-Żgħażagħ hu programm imtella’ minn Aġenzija Żgħażagħ b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ li qed jagħti aktar opportunitajiet liż-żgħażagħ billi jagħtihom l-għodod meħtieġa biex jagħtu kontribut fil-komunità tagħhom, kif ukoll qed jagħtihom ħiliet ġodda permezz ta’ edukazzjoni mhux formali biex jużaw matul ħajjithom u fid-dinja tax-xogħol. Hekk sostna l-Onor Clyde Puli, Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ u Sport meta dalgħodu ħabbar il-proġetti rebbieħa tat-tielet edizzjoni tal-Kunsilli Lokali taż-Żgħażagħ.

Waqt id-diskors tiegħu l-Onor Puli sostna li matul il-perjodu ta’ dan il-programm, iż-żgħażagħ jingħataw taħriġ fil-leadership; fil-liġi tal-Kunsilli Lokali, kif għandhom isiru business plan u pjan finanzjarju, fost aspetti oħrajn, biex wara, dawn iż-żgħażagħ jiffurmaw il-kunsilli u jieħdu sehem fi proċess demokratiku ta’ diskussjoni, deċiżjoni u implimentazzjoni ta’ proġetti.

Puli ħabbar kif il-frott minn dan il-proġett diġà beda jinħasad b’mod dirett, tant li apparti li fi tliet snin ipparteċipaw 637 żgħażugħ u żgħażugħa, bl-ammont ta’ din is-sena jkun wieħed rekord ta’ 265, wħud minn dawn iż-żgħażagħ tħajru u kkontestaw fil-kunsilli lokali tal-kbar fil-lokalità tagħhom.

Is-Segretarju Parlamentari tenna li anke n-numru ta’ kunsilli lokali li qed jippromwovu dan il-programm hu wieħed tajjeb u qal li din is-sena pparteċipaw 23 kunsill lokali differenti.

Matul din l-attività, is-Segretarju Parlamentari ħabbar il-proġetti rebbieħa li issa se jkunu qed jitwettqu.

Il-proġetti rebbieħa tat-tielet edizzjoni huma tas-Siġġiewi, tan-Naxxar u ta’ Pembroke.

Il-proġett tas-Siġġiewi intitolat ‘Citta Ferdinand – 2D vs 3D’, għandu l-iskop li jagħti dimensjoni oħra lill-esperjenza taż-żgħażagħ tal-edukazzjoni, billi tiġi skoperta forma ta’ edukazzjoni aktar dinamika u attiva, billi numru ta’ żgħażagħ jitħarrġu fil-bini ta’ entrapriża, kreattivita` u innovazzjoni.

Il-Kunsill Lokali Żgħażagħ tan-Naxxar iddeċieda li jaħdem sabiex titjieb il-kwalità tal-għajxien tal-komunità Naxxarija billi jinkoraġixxu illi l-poplu jsir soċjalment, ekonomikament u ambjentalment aktar sostenibbli.  L-għan tagħhom kien li jilħqu t-titjib ambjentali b’diversi inizjattivi li jinkludu tħawwil ta’ siġar indiġeni Maltin, installazjoni ta’ solar water heater u b’għarfien aħjar fuq ambjent aktar sostenibbli fost il-komunità Naxxarija. 

Il-Kunsill Lokali Żgħażagħ ta’ Pembroke ħadu f’kunsiderazzjoni t-tema Ewropea għal din is-sena li hija ‘Anzjanità attiva u solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet’.  Għaldaqstant il-proġett li ppreżentaw kien magħmul minn sensiela ta’ inizjattivi bil-għan li jġibu ġenerazzjonijiet differenti iktar qrib xulxin.

Is-Segretarju Parlamentari qal li dawn il-proġetti jilħqu l-prioritajiet fil-ħajja taż-żgħażagħ filwaqt li kkonkluda billi ħabbar li Aġenzija Żgħażagħ qed terġa' tiftaħ l-applikazzjonijiet għar-raba’ edizzjoni ta’ dan il-programm. 

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Tittella’ konferenza nazzjonali li tqajjem aktar għarfien u azzjoni kontra l-vjolenza domestika

PR262018

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

More Press Releases Right arrow