STQARRIJA MILL-MINISTERU TAL-FINANZI, EKONOMIJA U INVESTIMENT
Dott. Muscat jipprova jagħti li hu tiegħu lil ħaddieħor biex jgħatti l-inkompetenza ekonomika tiegħu
Dott. Joseph Muscat qed jipprova jagħti li hu tiegħu lil ħaddieħor biex jgħatti l-inkompetenza ekonomika tiegħu.
Wara erba’ snin Kap tal-Oppożizzjoni, għadu ma jistax jifhem kif jimxu prinċipji bażiċi fil-qasam ekonomiku u finanzjarju tal-pajjiż. Ta’ kull xahar, jirrepeti l-kantaliena li pajjiżna żied fid-defiċit tiegħu – u mbagħad ma jgħid xejn meta ftit wara li tgħaddi s-sena finanzjarja, toħroġ konferma li pajjiżna laħaq il-miri tiegħu. Ta’ kull xahar, jeħtieġ li jigi spjegat lill-Kap tal-Oppożizzjoni, li barra nefqiet addizzjonali li jistgħu jkunu seħħu (bħal każ tal-Air Malta fl-ewwel parti ta’ din is-sena), parti kbira mid-dħul tal-Gvern, b’mod partikolari dak marbut mat-taxxa tad-dħul u anke mill-VAT issir fl-aħħar tas-sena, u għalhekk, fl-ewwel xhur tas-sena, jkun jidher li d-defiċit żdied. Din is-sitwazzjoni filfatt tiġi kkoreġuta fl-aħħar tas-sena meta jidħol id-dħul kollu dovut tal-Gvern.
Fir-realtà, pajjiżna miexi fit-triq biex isaħħaħ il-finanzi tiegħu u fl-aħħar sentejn irnexxielu jnaqqas id-defiċit tiegħu għal taħt it-3%. L-aqwa ċertifikat għall-ħidma tal-Ministru tal-Finanzi f’dan is-sens ma tiġix minn xi dikjarazzjoni tal-Gvern iżda minn rapport wara l-ieħor ippubblikat din is-sena mill-Kummissjoni Ewropea li jfaħħar it-tisħiħ tal-finanzi ta’ pajjiżna, filwaqt li l-Fond Monetarju Internazzjonali ddeskriva l-ħidma tal-Gvern Malti f’dan il-qasam bħala ‘impressjonanti’.
Iżda wieħed jista’ jifhem ir-raguni għaliex din il-ġimgħa Dott. Muscat ħass li għandu jżid id-doża tal-mod ta’ kif jipprova jgħaddi dak li hu tiegħu lill-ħaddieħor: wara xhur sħaħ jagħti pariri lill-Gvern biex jimita l-mudell ekonomiku ta’ Ċipru, din il-ġimgħa Ċipru falla u kellu jitlob bailout lill-Istati Membri Ewropej fosthom Malta. Fortunatament, dan il-Ministeru ma ħax il-pariri ta’ Dott. Muscat biex nimitaw lil Ċipru, u għax sar hekk, f’pajjiżna żdied l-investiment, ix-xogħol u l-pagi.
Stqarrijiet Oħra:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017